Fost il-ħafna ritratti tiegħu nnifsu u messaġġi li jtella’ fuq il-paġna tiegħu tal-midja soċjali, id-Deputat Nazzjonalista Għawdxi Alex Borg, magħruf ukoll bħala ‘Mr Facebook’, fl-aħħar jiem tella’ post meqjusa bħala li tinkludi messaġġ sottili … dik li d-Deputat Nazzjonalista avversarju Chris Said se jżarma minn deputat wara l-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Borg tella’ ritratt tiegħu u ta’ kandidati oħrajn tal-Partit Nazzjonalista fuq Għawdex, fosthom Beppe Galea. Galea qed jiġi mbottat mill-Kap Nazzjonalista Bernard Grech bl-iskop li jdgħajjef il-pożizzjoni tal-istess Alex Borg fit-Tlettax-il Distrett, l-aktar minħabba l-ambizzjonijiet kbar li dan għandu għas-siġġu tal-Kap.
Fir-ritratt jidhru wkoll il-kandidati Frank Anthony Tabone u Norma Camilleri fejn Borg jintroduċi lil Galea, Tabone u Camilleri bħala kandidati. Iżda mkien ma jsemmi lil Chris Said, li wkoll jiġi elett fuq Għawdex.
Sorsi viċin tal-‘Ganga’, kif inhi magħrufa l-familja ta’ Said f’Għawdex, qed jgħidu li Chris Said mhuwiex se jerga’ jikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss.
L-istess sorsi qalu lil ONE News li Alex Borg mhux qed jitlef okkażjoni waħda biex ixerred il-kelma fost in-Nazzjonalisti Għawdxin li Said mhux se jerġa’ jikkontesta.
ONE News informat li ta’ Said se jixħtu l-piż tagħhom wara Beppe Galea, hekk kif dan hu magħruf għall-appoġġ li dejjem wera lejn Chris Said, inkluż meta dan ħareġ għall-kariga ta’ Kap Nazzjonalista u tilef kontra Adrian Delia fl-2017.
Sadanittant, ONE News informat li ta’ Said xejn m’apprezzaw ir-ritratt li tella’ Alex ‘Mr Facebook’ Borg, kif iħobbu jsejħulu huma, għax fi kliemhom “mhux kompitù tiegħu jħabbar li Chris mhux ħiereġ, imma bħas-soltu ma jitlifx okkażjoni biex jixħet l-attenzjoni kollha fuqu u fil-proċess jarmi lil ħaddieħor”.
Fil-każ tal-kandidata Norma Camilleri, is-sorsi qalulna li din mhux mistennija tinġabar.
Camilleri ikkontestat l-aħħar elezzjoni tal-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Nazzjonalista u minn Malta u Għawdex kollha ġabet ftit aktar minn elf vot.