Ilbieraħ it-Tlieta, Mohammed al-Bashir ħabbar li se jkun qed jieħu r-rwol ta’ Prim Ministru sa l-1 ta’ Marzu, bl-appoġġ tar-ribelli li jumejn qabel irnexxielhom iwaqqgħu r-reġim tal-President Bashar al-Assad.
Il-gvern uxxenti ltaqa’ ma’ al-Bashir għall-ewwel darba t-Tlieta minn mindu Assad ħarab minn Damasku fi tmiem il-ġimgħa.
Wara l-laqgħa, al-Bashir qal lill-ġurnalisti li l-ministri kienu ddiskutew it-trasferiment tal-portafolli tagħhom lill-gvern interim matul il-perjodu tranżitorju sal-bidu ta’ Marzu. Huwa qal li fil-jiem li ġejjin il-gvern il-ġdid kien se jiddeċiedi fuq il-ministeri.
Sadanittant fis-Sirja, in-nies komplew biċ-ċelebrazzjonijiet għat-tielet jum konsekuttiv hekk kif reġgħu fetħu l-ħwienet u l-banek minkejja l-attakki kontinwi ta’ Iżrael fuq il-pajjiż.
L-amministrazzjoni ta’ Biden iddikjarat li kienu jirrikonoxxu gvern ġdid Sirjan li jirrinunzja għat-terroriżmu, jiddistruġġi l-ħażna ta’ armamenti kimiċi u jipproteġi d-drittijiet tan-nisa u gruppi fil-minoranza.
Il-President Tork Recep Erdogan deher ottimist dwar it-tmexxija l-ġdida tas-Sirja li sejħilha trasformazzjoni kbira mill-waqgħa tar-reġim ta’ Assad.