It-total tal-mejta fl-isplużjoni tar-raffinerija Eni f’Calenzano qrib Firenze l-Italja, issa huwa ħamsa b’26 feriti.
Il-prosekutur Luca Tescaroli,li qed imexxi l-investigazzjoni, appunta tliet tobba forensiċi li se jkunu qed jagħmlu awtopsja fuq il-ħames vittmi.
Sadanittant l-uffiċju tal-prosekutur se jkun qed joħroġ akkużi ta’ qtil multiplu, korriment negliġenti aggravat minn ksur tar-regolamenti tas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u diżastru negliġenti b’konnessjoni mal-isplużjoni li seħħet nhar it-Tnejn.
Il-ħamsa mejta kienu xufiera tal-bowżers tal-fuel u dak il-ħin kienu eżatt fejn seħħet l-isplużjoni fl-area tat-tagħbija.
Illum se tkun qed issir ċerimonja ta’ kommemorazzjoni għall-vittmi u ippjanat strike provenċjali għall-aħħar 4 sigħat tax-xift bħala protesta li mhemmx biżżejjed sigurtà fuq il-lant tax-xogħol.
Għal dan il-għan fis-2:30 ta’ wara nofsinhar huwa previst intervent fi Pjazza Vittorio Veneto f’Calenzano li fih se jieħdu sehem it-tliet trade unions u l-ħaddiema tas-setturi involuti. Fi stqarrija konġunta, t-tliet unions qalu li dak li ġara mhux aċċetabbli. “Ħames persuni telqu minn darhom biex imorru għax-xogħol u mhu se jirritornaw qatt. Oħrajn ġew feruti serjament. Mingħajr sigurtà mhemmx xogħol, mhemmx dinjità, mhemmx ħajja!”