Raġel li kien qed iwettaq vandaliżmu fit-taraġ ewlieni tal-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt Valletta llum waranofsinhar inqabad fil-pront u ġie arrestat ftit wara.
Ir-raġel, li jieħu ħsieb it-tindif tal-Palazz, inqabad ipinġi u jikteb fuq parti mill-ħajt ta’ dan it-taraġ kif ukoll fuq balavostri li hemm fl-istess taraġ.
Fuq il-post issejħu l-Pulizija u nbdiet investigazzjoni dwar il-każ.
Konservaturi ta’ Heritage Malta stabbilew li f’dan il-vandaliżmu ntuża lostru tal-għamara. Mil-lewwel stħarriġ jidher li ma saritx ħsara permanenti, u l-ħaddiema bdew jagħmlu xogħol ta’ restawr mill-aktar fis possibbli.
Il-Palazz tal-Gran Mastru reġa’ nfetaħ għall-pubbliku f’Jannar ta’ din is-sena wara proġett estensiv ta’ restawr.