Quddiem il-Kumitat Parlamentari għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, l-ekonomista ewlieni tal-Bank Ċentrali ta’ Malta Dr Aaron Grech innota kif waqt li, tipikament, l-ekonomija Maltija timxi maċ-ċiklu tal-ekonomija Ewropea, imma b’mod aktar sostnut, fl-aħħar sentejn dan l-andament f’pajjiżna kien ferm differenti.
Hu rrimarka li, waqt li ż-Żona Ewro rat tnaqqis qawwi fir-ritmu tat-tkabbir, f’Malta kellna aċċelerazzjoni li ddistingwiet lilha nnifisha mill-kumplament.
“Fil-bqija tal-ewrosistema fejn kważi l-ekonomija ma kibritx issa għal kważi sentejn infila, mentri f’Malta kellna tkabbir li jaqbeż ħafna l-medja tagħna storika ta’ 4.5%”.
Dr Aaron Grech, Ekonomista, Bank Ċentrali
Grech innota wkoll kif diversi setturi qed jissoprendu lill-esperti ekonomiċi tant li l-istatistika qed tiġi riveduta ’l fuq b’mod frekwenti, għax setturi tal-ekonomija diġitali qed jikbru ferm aktar milli mistenni.
Meta mistoqsi mid-Deputat Alex Muscat għal spjega aktar dettaljata għalxiex fl-aħħar sentejn pajjiżna mexa ferm aħjar mill-ekonomiji madwarna, l-ekonomista ewlieni tal-Bank Ċentrali semma numru ta’ fatturi, inkluż li pajjiżna kien protett matul l-isfidi bla preċedent, b’referenza għall-miżuri meħudin mill-Gvern Laburista.
“Kien hemm ċerti daqqiet barra minn Malta li aħna ma ħadniex”.
Dr Aaron Grech, Ekonomista, Bank Ċentrali
Semma kif l-enerġija hawn Malta kienet stabbli waqt li barra kienet qegħda togħla ħafna, fattur li wkoll tejjeb ħafna d-domanda domestika u għen lill-manifattura Maltija biex tibqa’ tipproduċi.
Fattur ieħor li semma kien l-andament tal-imgħaxijiet, fejn familji Ewropej spiċċaw kellhom jonfqu ħafna aktar fuq is-self tagħhom, b’żieda fil-piż ta’ diversi eluf ta’ ewro.
Minflok f’Malta, grazzi għall-qagħda ekonomika tajba, l-imgħax ma żdiedx u allura l-familji setgħu jonfqu fuq affarijiet oħrajn.
Anke n-negozji f’pajjiżna gawdew minn dan, tenna Dr Grech, u b’hekk setgħu jinvestu, bil-maqlub ta’ negozji barra li tgħabbew bi spejjeż kbar fuq is-self tagħhom.
L-ekonomista semma ukoll kif mentri l-esperti kienu jbassru li t-turiżmu bħalissa jkun għadu qed jirkupra mid-daqqa tal-pandemija, s-settur diġa huwa ferm akbar milli kien. F’kuntest fejn familji fl-Ewropa kienu magħfusin bl-inflazzjoni minflok marru għal destinazzjonijiet long-haul għażlu lil pajjiżna, li kien aktar affordabbli.
Mistoqsi mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni Graham Bencini fejn qed ikun hemm żieda fl-impjiegi, Dr Grech innota kif l-aktar dan qed ikun fis-servizzi, għax hemmhekk il-valur miżjud qed jikber ħafna. L-akbar tkabbir hu fis-setturi professjonali, fejn jiddominaw il-ħaddiema Maltin.
Fl-istess ħin, l-ekonomista ewlieni tal-Bank Ċentrali spjega kif ir-raġuni għalxiex pajjiżna qed ikollu bżonn aktar ħaddiema barranin hi d-demografija. Dan hekk kif l-ammont ta’ żgħażagħ li jistgħu jidħlu fid-dinja tax-xogħol dejjem qiegħed jonqos, filwaqt li dawk li jirtiraw qegħdin dejjem jiżdiedu.
Dan il-vojt qed jimtela bil-barranin f’setturi tradizzjonali, bħat-turiżmu u l-manifattura, għax il-Maltin qed imorru f’setturi ġodda u b’pagi aħjar, bħalma huma dawk tas-servizzi professjonali u l-ekonomija diġitali.