PinkNews hija l-akbar website tal-aħbarijiet LGBT fid-dinja u l-koppja li tmexxiha qed ikunu akkużati mill-impjegati b’diversi inċidenti ta’ abbużi nkluż dawk ta’ natura sesswali.
Il-BBC qed jirrapporta li diversi ex impjegati qed jgħidu li raw lil Anthony James, li hu direttur ta’ din il-kumpanija bbażata fir-Renju Unit u r-raġel tal-fundatur, ibus u jmiss b’mod indiċenti kollega żagħżugħ li deher wisq taħt l-influwenza tax-xorb biex ikun konxju ta’ x’qed jiġri.
Aktar minn 30 impjegat u ex impjegati qalu li l-ikkunsmar bla rażan tax-xorb kienu jwasslu għall-episodji fejn il-fundatur Benjamin Cohen u żewġu kienu jużaw imġieba mhux xierqa kontra l-impjegati rġiel żgħażagħ.
Rappreżentanti ta’ Cohen u James iddikjaraw li dawn l-allegazzjonijiet huma foloz.
PinkNews, li hija kumpanija mmexxija minn membri tal-istess familja, tiddikjara li l-missjoni tagħha hi li tinforma u tispira bidla filwaqt li tagħti poter lin-nies li jkunu dak li jixtiequ. Dan is-sit kellu wkoll rwol importanti fil-kampanja ta’ żwieġ ugwali fir-Renju Unit filwaqt li ċ-ċerimonja annwali ta’ premjazzjoni tattira prim ministri u politikanti oħra.