L-importanza tal-bijodiversità lokali, is-sostenibbiltà u l-edukazzjoni ambjentali permezz tal-espressjoni kreattiva ġew enfasizzati waqt inizjattiva internazzjonali organizzata bħala parti min-Network Globali tal-Mużewijiet tal-Ilma (WAMU-NET).
L-avveniment, li ra l-parteċipazzjoni tal-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli u l-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma (EWA), wera kif l-arti tista’ tkun għodda b’saħħitha li tgħaqqadna mat-temi ambjentali.
“Li nedukaw lit-tfal dwar is-sostenibbiltà hija waħda mill-aqwa investimenti li nistgħu nagħmlu għall-futur. Billi nintroduċu dawn il-kunċetti permezz ta’ attivitajiet kreattivi u attraenti, nagħtu l-opportunità lill-istudenti biex jesploraw temi essenzjali bħall-bijodiversità u l-konservazzjoni tal-ilma b’mod li jistgħu jifhmuh. Dawn l-inizjattivi mhux biss jedukaw, iżda jispiraw ukoll liż-żgħażagħ biex isiru ambaxxaturi futuri għas-sostenibbiltà,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.
Ċentrali għal dan l-avveniment kienet il-wirja li fiha ġew esibiti 34 xogħol tal-arti magħmula mill-istudenti, li ġew ispirati mill-esperjenzi edukattivi tagħhom fit-Trail ta’ Wied il-Qlejgħa (Chadwick Lakes). Taħt il-gwida tal-artista lokali Joanne Mizzi, l-istudenti użaw l-arti viżiva biex jesprimu ruħhom dwar il-bijodiversità lokali u l-ekosistemi tal-ilma ħelu. Din it-taħlita unika ta’ kreattività artistika u edukazzjoni ambjentali għenet lill-istudenti b’konnessjoni aktar profonda mat-temi ekoloġiċi essenzjali u enfasizzat il-valur tat-tagħlim b’esperjenza.
L-avveniment ġab ukoll rikonoxximent internazzjonali lill-parteċipanti ż-żgħar, hekk kif erba’ mix-xogħlijiet tal-arti tagħhom ġew magħżula biex jiġu inklużi fis-sezzjoni AQUAPLAY fuq il-website ta’ WAMU-NET. Din il-pjattaforma diġitali globali, appoġġjata mill-UNESCO, għandha l-għan li tqajjem kuxjenza dwar il-wirt tal-ilma, it-tniġġis u s-sostenibbiltà billi tinvolvi t-tfal minn madwar id-dinja. Billi tgħaqqad l-isforzi lokali ma’ inizjattivi globali, dan it-tragward se jkabbar is-sinifikat tal-kontribuzzjonijiet tal-istudenti u juri r-rwol attiv ta’ Malta fil-promozzjoni tal-edukazzjoni ambjentali.
Iċ-Ċentru Għajn, magħruf għat-tmexxija tiegħu fl-edukazzjoni għas-sostenibbiltà, kien kruċjali għal dan l-avveniment. Amanda Zahra, Uffiċjal fl-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma, tkellmet dwar l-isforzi kontinwi taċ-Ċentru. “Iċ-Ċentru Għajn jilqa’ l-istudenti kuljum biex jitgħallmu dwar l-immaniġġjar responsabbli tal-ilma u s-sostenibbiltà. Filwaqt li naħdmu bla heda biex nippromwovu dawn il-valuri, avvenimenti bħal dawn jagħtuna l-opportunità li nuru l-inizjattivi tagħna fuq livell internazzjonali. Dan huwa mument ta’ kburija għalina u jirrifletti l-impenn tagħna li nedukaw lill-ġenerazzjonijiet futuri,” qalet is-Sinjura Zahra.