L-artisti ta’ Wicked, Cynthia Erivo u Ariana Grande huma fost dawk li jinsabu nnominati għall-Golden Globe Awards hekk kif jingħata bidu għall-istaġun ta’ premjazzjonijiet f’Hollywood.
L-attriċi Brittanika Erivo tinsab innominata għall-aqwa attriċi f’film mużikali jew kummiedja għar-rwol tagħha bħala Elphaba fil-film Wicked filwaqt li Grande hija nnominata fil-kategorija għall-aqwa attriċi sekondarja għall-interpretazzjoni tagħha bħala Glinda.
Angelina Jolie, Hugh Grant, Timothee Chalamet, Sebastian Stan, Demi Moore, Pamela Anderson, Kate Winslet u Selena Gomez huma fost l-ismijiet l-oħra li se jkunu qed jikkontestaw l-unuri.
Għalkemm f’dawn l-aħħar snin, il-Golden Globe Awards għaddew minn ħafna kontroversji, xorta jibqgħu l-ewwel unuri maġġuri fil-kalendarju ċinematografiku u huma indikazzjoni tajba ta’ fejn se jkunu qed imorru l-Oscars.
Il-film mużikali ta’ Netflix Emilia Pérez, għandu l-akbar ammont ta’ nominazzjonijiet b’total ta’ għaxra nkluż waħda ta’ Selena Gomez.
Films oħra prominenti jinkludu dawk drammatiċi The Brutalist, b’sebgħa u Conclave, b’sitta. Anora u The Substance għandhom ħames nominazzjonijiet kull wieħed.
Għall-kuntrarju tal-Oscars, il-Golden Globe Awards jippremjaw ukoll xows tat-televiżjoni fejn fost l-aktar li qed jissemmew li jistgħu joħorġu rebbieħa hemm The Bear, Only Murders in the Building, Shogun u Baby Reindeer.
Angelina Jolie tinsab favorita li tirbaħ l-aħjar attriċi għal film drammatiku bl-interpretazzjoni tagħha tal-kantanta operistika Maria Callas fil-film Maria. Iżda se tkun qed tiffaċċja lil Nicole Kidman għal Babygirl u Pamela Anderson f’The Last Showgirl. L-attriċi Brittaniċi Kate Winslet u Tilda Swinton ukoll qed jikkompetu fl-istess kategorija bħalma hi l-attriċi Brażiljana Fernanda Torres.
Kate Winslet għandha żewġ nominazzjonijiet – waħda għall-parti tagħha fil-film Lee u l-oħra fix-xow televiżiv The Regime. Selena Gomez ukoll għandha żewġ nominazzjonijiet meta hija waħda minn dawk innominati għall-kummiedja televiżiva Only Murders in the Building apparti f’Emilia Perez.
Il-ġlieda għall-aqwa attur f’film drammatiku jidher li se tkun bejn Adrien Brody f’The Brutalist u Ralph Fiennes f’Conclave. Sandanittant, Sebastian Stan jinsab innominat għall-parti tiegħu bħala Donald Trump f’The Apprentice u Timothee Chalamet għall-interpretazzjoni ta’ Bob Dylan f’A Complete Unknown. Magħhom hemm ukoll Daniel Craig fi Queer u Colman Domingo f’Sing Sing.
Ir-rebbieħa tal-Golden Globe Awards, magħżula minn 300 kritiku internazzjonali, jiġu mħabbra waqt ċerimonja f’Los Angeles nhar il-5 ta’ Jannar u jkunu segwieti bl-Oscars fit-2 ta’ Marzu.