Matul is-sena li għaddiet f’pajjiżna sar 273 ċiklu ta’ IVF, li 202 minnhom saru Mater Dei. Din l-informazzjoni ħarġet mir-Rapport Annwali tal-2016 tal-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Embrijuni, li llum tpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne poġġa fuq il-mejda tal-Kamra l-audited accounts tal-2016, l-estimi għas-sena 2017 u 2018, u r-rapport annwali għall-2016 tal-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Embrijuni.
Dawn iċ-ċikli rriżultaw f’64 tqala, li minnhom seba’ ommijiet sofrew korriment, 14 kellhom tarbija, u 43 għadhom qed jistenenw tarbija.
Permezz ta’ dawn iċ-ċikli bbenefikaw 228 koppja, hekk kif kien hemm 43 koppja li għamlu żewġ ċikli, u koppja li għamlet tliet ċikli. Fl-2016 kien hemm għaxar pazjenti li kellhom il-gametes tagħhom trasferiti bejn kliniċi f’Malta, filwaqt li kien hemm koppja li kellhom il-bajd li ġie trasferit barra l-pajjiż.
Kien hemm total ta’ 23 koppja li ma kellhom l-ebda embrijun biex jiġi trasferiti, 150 koppja kellhom 2 embrijuni, 46 koppja kellhom embrijun wieħed, filwaqt li 53 koppja kellhom tliet embrijuni.
Fl-2016 twieldu total ta’ 58 tarbija bl-IVF, 44 minnhom – 23 bniet u 21 subien, permezz ta’ ċikli li saru fl-2015, filwaqt li 14 oħra (disa’ subien u ħamest’ ibniet) twieldu minn ċikli li saru fil-bidu tal-2016.
Minn ċikli li saru fl-2016 hemm 43 omm li għadha qed tistenna tarbija, li fosthom se jkun hemm ħames settijiet ta’ tewmin u sett ta’ triplets.