Żewġ persuni tilfu ħajjithom, disgħa oħra ndarbu u erbgħa huma rrappurtati nieqsa wara splużjoni li seħħet dalgħodu f’raffinerija propjetà tal-kumpanija Taljana tal-enerġija Eni sitwata f’Calenzano qrib Firenze.
L-awtoritajiet lokali qalu li l-isplużjoni seħħet fiż-żona tat-tagħbija u ma affetwatx is-sit fejn jiġi maħżun il-fjuwil.
Fuq il-mezzi soċjali, il-president reġjonali Eugenio Giani kiteb li t-Toskana kollha tinsab f’luttu għat-traġedja li seħħet.
Il-ħaddiema tat-tifi tan-nar qalu li n-nar kien intefa’, filwaqt li l-aġenzija tal-protezzjoni ċivili Taljana ħeġġet lill-popolazzjoni lokali sabiex jevitaw iż-żona u jekk jista’ jkun jibqgħu ġo djarhom u jgħalqu t-twieqi biex jiġu evitati d-dħaħen tossiċi.
L-isplużjoni ġġenerat kolonna ta’ duħħan iswed li kienet viżibbli minn bosta nħawi.