Rapport internazzjonali, ibbażat fuq dejta mill-Fond Monterju Internazzjonali, l-IMF, ipoġġi lil Malta fil-quċċata tal-lista tal-aktar pajjiżi fl-Ewropa kollha li raw tkabbir reali fil-ġid nazzjonali.
Minkejja li għadd ta’ pajjiżi fil-kontinent iffaċċjaw sfidi sinifikanti riċentament, inkluż attività ekonomika li qed togħsfor u l-munita ewro li niżlet fl-inqas livelli mill-2022 lil hawn meta mqabbla mad-dollaru, kienu biss ftit pajjiżi li rnexxielhom ikampaw f’dan il-mewġ u Malta kienet l-aħjar waħda, skont is-sit Visual Capitalist.
Waqt li jsemmi wkoll kif it-theddid ta’ tariffi potenzjali mill-Presidenza ta’ Donald Trump qed ipoġġu iżjed piż fuq ir-reġjun, Visual Capitalist jikklassifika lill-pajjiżi bi tkabbir b’saħħtu din is-sena, skont il-World Economis Outlook tal-IMF, b’Malta fl-ewwel post b’rata ta’ 5% li tiżboq lil kulħadd.
Dan l-indiċi ta’ tkabbir reali, ibbażat sa Ottubru li għadda, jara lil pajjiżna distanzjat sew anke mill-pajjiż fit-tieni post, is-Serbja, grazzi għall-politika mħaddna mill-Gvern tal-Prim Ministru Robert Abela fejn l-ekonomija ffokata fuq is-servizzi, bħat-turiżmu u l-oqsma tal-finanzi, kellhom l-akbar sehem f’dan kollu.
Visual Capitalist ukoll jirrimarka li Malta teċċella fl-esportazzjoni tal-manifattura, bħall-elettronika u l-farmaċewtiċi.
Bit-tkabbir medju Ewropew ilaħħaq biss il-1.7% jew kważi tliet darbiet inqas minn dak ta’ Malta, l-uniku pajjiż Ewropew b’ekonomija kbira li jagħmilha mal-aqwa ħmistax hu Spanja.
Ir-Russja, minkejja l-gwerra u s-sanzjonijiet imposti fuqha, ukoll esperjenzat tkabbir sinifikanti ta’ 3.6% fil-ġid tagħha, grazzi għan-negozju maċ-Ċina u l-Indja, u b’kumpaniji lokali li ħadu post dawk mill-Punent.
L-Ukrajna wkoll din is-sena esperjenzat tkabbir ta’ 3%, minkejja kollox. Dan seħħ bis-saħħa tal-għajnuna minn istituzzjonijiet Ewropej u l-Istati Uniti tal-Amerka, flimkien mal-ftuħ tal-kuritur tal-esportazzjoni fil-Baħar l-Iswed is-sena l-oħra.