Mara, li l-identità tagħha hija mistura, qed tallega li fis-sena 2000, meta kellha tlettax-il sena, kienet stuprata kemm minn Sean ‘Diddy’ Combs kif ukoll mir-raġel ta’ Beyoncè, Jay-Z, li dak iż-żmien kien juża l-isem Shawn Carter.
Hi qed issostni li dan ġara waqt party ta’ ċelebrazzjoni wara l-MTV Music Awards ta’ 24 sena ilu. Hija qalet li kienet ħassitha stramba wara li xorbot drink u għalhekk marret tistrieħ f’kamra tas-sodda. Kien f’dak il-ħin li allegatament kienet aggredita sesswalment l-ewwel minn Carter u wara minn Combs fil-preżenza ta’ mara li mhiex identifikata. Hija qalet li kien irnexxielha taħrab wara li tat daqqa lil Combs f’għonqu.
Oriġinarjament l-akkuża federali mressqa f’Otturbru fil-qorti ta’ New York kienet issemmi biss lil Sean ‘Diddy’ Combs iżda l-Ħadd ġiet reveduta biex tinkludu wkoll lil Shawn Carter.
Combs jinsab akkużat bi vjolenza u reati sesswali gravi hekk kif se jibda jinstema’ l-każ tiegħu fil-qorti s-sena d-dieħla.
Jay-Z, fi stqarrija twila, iddikjara l-akkużi bħala idjotiċi u allega li l-avukat Tony Buzbee kien qed jesebixxi nuqqas ta’ professjonalità.
Huwa qal li l-unika dispjaċir li għandu huwa għal familtu fejn irid jara kif flimkien ma’ martu se jfiehem lil uliedu hekk kif dawn żgur se jsiru jafu mill-midja. Jay-Z sostna li dawk li jħobbu l-fake news biss jistgħu jemmnu tali akkużi u li kieku mhux għax dawn huma akkużi serjissimi li jinvolvu ħsara fuq tfal kienu jkunu akkużi tad-daħk.