Il-villaġġ popolari ta’ ‘Christmas in the Park’ qed jittella’ għar-raba’ sena konsekuttiva. Għal sena oħra, il-Park tas-Salini ġie ttrasformat f’villaġġ tal-Milied, li jqarreb lin-nies lejn in-natura, filwaqt li jesperjenzaw l-atmosfera maġika ta’ dawn il-festi.
Il-viżitaturi u t-tfal jistgħu jilagħbu, jiltaqgħu ma’ Santa Klaws, jesperjenzaw ir-realtà virtwali, iduqu xorb, ikel u ħlewwiet tradizzjonali tal-Milied, waqt li wkoll igawdu minn divertiment mużikali.
Sadanittant, żona fil-park inbidlet f’The Enchanted Forest, b’diversi effetti ta’ dawl.
Il-programm tal-attivitajiet waqt Christmas in the Park jinsab fuq is-sit christmasinthepark.mt.
Fost il-ġimgħa, dan il-Villaġġ tal-Milied ikun miftuħ mill-4:30 ta’ waranofsinhar sat-8:30 ta’ filgħaxija. Is-Sibtijiet, il-Ħdud u l-festi pubbliċi, il-Park jiftaħ mill-10:00 ta’ filgħodu sat-8:30 ta’ filgħaxija. Id-dħul hu b’xejn.