Għexieren ta’ eluf ta’ nies qed joħonqu t-toroq tal-kapitali ta’ Georgia jipprotestaw dwar id-deċiżjoni tal-partit fil-gvern li jissospendi it-taħdidiet ta’ sħubija fl-Unjoni Ewropea għal erba’ snin. Id-dimostranti għadhom jittamaw li l-ħolma tagħhom issir realtà hekk kif daħlu fil-ħdax-il jum konsekuttiv ta’ protesti.
Għal darb’oħra d-dimostrazzjoni li saret quddiem il-bini tal-Parlament fi Tbilisi kienet imwaqqfa’ b’forza konsiderevoli hekk kif il-pulizija użat il-kanuni tal-ilma u gass tad-dmugħ biex tferrex ’l miġemgħa.
Il-pulizija tal-irvellijiet kienu wkoll ingaġġati sabiex iwaqqfu d-dimostrazzjonijiet bid-dimostranti jgħidu li ħafna minnhom ġew imsawta bil-lembubi.
Dimostrazzjoni separata ġiet ukoll organizzata sabiex tikkundanna l-vjolenza kontra l-ġurnalisti li qed jirrappurtaw id-dimostrazzjonijiet. Il-Ħadd mijiet ta’ ħaddiema fil-qasam tal-midja mmarċjaw fil-vjal ċentrali ta’ Tbilisi, Rustaveli, filwaqt li ġarrew kartelluni b’ritratti ta’ sħabhom li kienu attakkati waqt il-qadi ta’ ħidmiethom.
Is-Sibt filgħaxija r-reporter Maka Chikhladze u l-kollega tagħha minn TV Pirveli kienu attakkati vjolentament f’attentat sabiex jintimidawhom milli jitkellmu. Chikladze qalet li l-kollega tagħha kienet ġibdet filmat ta’ rġiel libsin l-iswed li kienu qed jingħaqdu mad-dimostranti bl-intenzjoni li jattakkawhom. Hekk kif dawn irrealizzaw b’dan huma daru għalihom fejn tefawhom mal-art. Il-kollega tagħha sofriet ġrieħi f’rasha filwaqt li serqulha l-kamera u l-apparat.