“Il-ġurnata tal-lum tfisser tama lejn futur aħjar u dinjità għal kull persuna Sirjana.”
Emozzjonat hekk tenna magħna Omar Rababah, f’ġurnata storika għaċ-Ċittadini Sirjani li wara erbatax-il sena issa kisbu l-libertà.
Il-Ħadd tmienja ta’ Diċembru l-forzi ribelli f’Damasku ddikjaraw li s-Sirja hija ħielsa wara li l-President Bashar al-Assad qabad titjira u ħarab mill-pajjiż.
Fil-fatt fl-ewwel kummenti tal-Mexxej tar-ribelli Hayat Tahrir al-Sham iddikjara li issa “l-futur huwa tagħna.”
Hekk kif eluf ta’ Sirjani qegħdin jiċċelebraw il-ħelsien tagħhom fit-toroq, Omar li għandu ħafna mill-qraba jgħixu f’Damasku, fosthom in-nanniet, tkellem kif hu żar lil qrabatu erba’ darbiet, l-ewwel darba ta’ seba’ snin.
Ma’ ONE News huwa qasam l-istorja ta’ kif inbidlet il-ħajja tagħhom minn erbatax-il sena għal proprju ftit jiem ilu.
Qal, “In-nies ilhom imċaħdin mil-libertajiet tagħhom għexieren ta’ snin però fl-2011 tifel sempliċi kiteb kitba ma’ ħajt li kienet kontra l-President. Dawn arrestawh u ttorturawh u minn hemm bdew il-protesti. Minflok il-protesti ġew milqugħa bi djalogu, ġew milqugħin b’ripressjoni fejn kien hemm ħafna qtil nofs miljun ruħ mietu fosthom b’attakki, gass mimli klorin, nies mitfugħin fil-ħabs f’kundizzjonijiet tal-waħx apparti li tnax-il miljun ġew displaced. Jiġifieri spiċċaw barra mill-pajjiż.”
Omar spjega li minkejja li jitkellem u jesprimi ruħu fuq il-midja soċjali f’dan ir-rigward, kien limitat immens minħabba s-sigurtà tal-familja tiegħu fis-Sirja.
Qal, “Kont limitat ħafna. ma stajtx nitkellem kemm xtaqt. Il-fatt li jien għandi l-familjari hemm u kienu f’żona fejn kienet taħt il-kontroll tal-Gvern jgħidulek titkellimx. Jgħidulek Omar toħroġtx fil-pubbliku għax ikollna r-riperkussjonijiet. Fil-fatt jiena biex ngħaddi l-passaport Malti, kif idaħħlu fis-sistema jgħidulek isma nannuk jismu hekk, iż-żiju jismu hekk, oħtok u missierek jisimhom hekk. Allura inti tibża. Dik kienet il-problema. Kulħadd jibża mit-tiranija, mir-ripressjoni. U issa llum qlajt balla minn fuq l-istonku u nista’ nitkellem, nista niddiskuti. Fl-aħħar.”
Omar sostna kif f’dawn missieru u nannuh ma setgħux jaraw lil xulxin u issa wara erbatax –il sena jistgħu jerġgħu ikunu fl-istess kamra.
Qal, “Erbatax-il sena mhux ġurnata jew tnejn. Jiġifieri jiena naf kemm missieri ilu nieqes milli jiltaqa’ ma’ ommu u missieru u l-familjari li hemm fis-Sirja. Naf kemm iħossha speċjalment meta kien jara lili sejjer. Għax jiena stajt immur taħt il-parenteżi ta’ turist. Qed nistenna l-ġurnata li jerġa’ jmur. Kuntent ħafna għas-Sirjani li hawn f’Malta talli dawn qed jaraw li reġgħat ġejja t-tama. Il-ġurnata tal-lum tfisser tama lejn futur aħjar u dinjità għal kull persuna Sirjana.”