Is-sema msaħħab ddomina l-għodwa tat-tmienja ta’ Diċembru ta’ din is-sena, għall-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni f’ Bormla. Minħabba l-maltemp, ftit kienu li żejnu l-gallerija tagħhom b’xi pavaljun kaħlani biex isellmu lill-patruna tagħhom.
Il-festa tal-Kunċissjoni kabbret il-qima lejha wara li l-Papa Pija IX (Disgħa) ddikjaraha bħala domma tal-fidi, li l-Madonna twieldet bla ebda dnub, lanqas tan-nisel u dan kien iddikjarat nhar it-tmienja ta’ Diċembru tal-1854.
Fi knisja armata sa ruħ ommha bħala t-tempju tal-Kunċizzjoni, b’damask aħmar, b’xogħlijiet artiġġjanali, fid-deheb u l-fidda, u bl-istatwa tal-Kunċizzjoni wieqfa fuq is-serpent li jirrappreżenta l-ħażen, kienu mijiet il-lajċi, li attendew għall-quddiesa sollenni li kienet immexxija mill-Kanonku Martin Borġ bis-sehem tal-Kapitlu tal-Kolleġġjata ta’ Bormla li l-qofol tagħha intlaħaq bil-paniġierku mirqum, minsuġ minn Monsinjur Lawrenz Sciberras studjuż tal-Bibbja, li kien ġie segwit b’attenzjoni kbira mill-miġemgħa fosthom ħafna parruċċani Bormliżi.
Il-paniġierku kien iffukat fuq il-pitturi ta’ Ġużeppi Cali, li hemm fuq l-artal taħt il-koppla, li jirrappreżentaw lil Mose, is-sultan David, Eżekjel u Isaija u kif dawn għandhom rabta mal-Kunċizzjoni. Monsinjur Sciberras spjegalna f’kelmtejn il-ħsieb wara dan il-paniġierku.
Qal, “Din is-sena jien għażilt li nuri dawk l-erba pitturi li għandhom taħt il-koppla, kif isibu l-ispjegazzjoni tagħhom fl-Immakulata, uħud minnhom ħabbru profeziji diretti, u oħrajn indirettament, allura dan ifisser l-Antik Testment ġie mqiegħed u mfisser Fit-Testment il-Ġdid. L-Immakulata hija fost il-persunaġġi, il-profeziji u s-simboli twettqu kollha fiha.”
Mons Sciberras wassal ukoll messaġġ għall-Bormliżi;
“Dak il-messaġġ lil Bormlizi kien biex huma jkomplu jgħożżu l-imħabba li għandhom lejn l-Immakulata u jgħadduha lil uliedhom u lil ulied uliedhom kif aħna fil-preżent qed ngħożżu dawk li għaddewlna missirijietna. Nixtieq inressaqlek talba żgħira, nispera u nittama li illejla l-bibien ta’ din il-knisja jinfetħu beraħ, ħalli toħroġ minn taħt il-pavaljun ġdid li aħna dis-sena żżanżanhielek u kif jixraqlek. Oħroġ Immakulata u waqt li tkun qed iddur it-toroq ta’ Beltna, fakkarna għax għandna bżonn biex ma nimirdux, fakkarna għax għandna bżonn nisimgħu il-Kelma t’Alla għax kif jgħid San Pawl, min ma jismax il-Kelma t’Alla jitlef il-fidi.”
Għall-quddiesa kienu preżenti diversi dinjitarji, bl-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż fosthom il-Prim Ministru Robert Abela li wara l-quddiesa solleni iltaqa mal-pubbliku preżenti.