Progress sinifikanti fil-ħarsien tal-annimali. Dan ħareġ waqt konferenza tal-aħbarijiet, li analizzat f’dettall il-progress li sar fir-riforma tal-Animal Welfare 2023 – 2026.
Din ir-riforma, imfassla fuq seba’ pilastri, tara li jitħarsu aħjar d-drittijiet tal-annimali, filwaqt li jsir l-invesitment meħtieġ bil-għan li d-direttorat ikompli jwieġeb għall-ħtiġijiet tal-ġurnata.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Animal Welfare, Joseph John Vella, spjega l-għan tar-riforma.
Qal, “Din hi kwistjoni ta’ tiġdid fejn jidħol il-kapital uman, fejn jidħlu r-riżorsi kemm bħala finanzi, kemm riżorsi biex nagħtu servizzi aħjar. Illum tkellimna kif tkabbar is-servizz kif tjiebet ir-relazzjoni tagħna mal-pubbliku.”
Fil-fatt, fil-konferenza ġie rrimarkat kif stħarriġ mill-istatistiku Vincent Marmarà wera kif il-pubbliku żied fiduċja li għandu fl-Animal Welfare.
Dan frott il-ħidma li qed tittella’ fosthom l-integrazzjoni tal-freephone mal-linja servizz.gov fuq 153. Hawn intqal kif, waqt li fl-2022 id-direttorat irċieva mal-ħamest elef telefonata, din is-sena s’issa diġà intlaqgħu mal-ħmistax-il elf telefonata.
Miżura oħra li ssemmiet kienet dik li b’investiment ta’ tliet mija u ħamsin elf ewro, elfejn cat feeder madwar il-pajjiż ibbenefikaw minn għotjiet finanzjarji biex jitimgħu mas-sitta u tletin elf qattus ta’ barra.
Dan minbarra diversi kampanji edukattivi, bħal ‘Adopt a Pet’, u emendi fil-liġijiet li jkomplu jħarsu l-benesseri tal-annimali, filwaqt li jiġi mminimazzat l-abbuż fuqhom.
Fid-diskors tagħha, s-Segretarju Parlamentari responsabbli mis-settur tas-Sajd u l-Akkwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, innotat kif, fl-aħħar żmien, irdoppja l-ammont ta’ ħaddiema fid-direttorat, li ġiet ikkumplimentata b’żieda ta’ żewġ ambulanzi.
F’kummenti ma’ dan l-istazzjon, Bugeja Said elenkat l-impenn imġedded tal-Gvern biex saħħet l-annimali tibqa’ titħares.
Qalet, “Is-sena d-dieħla ħa nkunu qegħdin nagħtu baġit ta’ aktar minn €1.7 miljun biex inkomplu nimplimentaw id-differenza fl-Animal Welfare. Dan jinkludi diversi skemi li ħa nkunu qegħdin inħabbru minn żmien għal żmien.”
Il-Ministru Anton Refalo rringrazzja wkoll lill-ħaddiema kollha tal-Animal Welfare għad-dedikazzjoni tagħhom li tmur lil hin minn ħidmiethom.
Qal, “Dawn jaħdmu f’ċirkostanzi li xi kultant ikunu wkoll perikolużi għal saħħithom u, għaldaqstant, ngħidilhom grazzi, għax verament qed jagħmlu xogħol imprezzabbli fl-Animal Welfare, li fiha kuljum qegħdin nagħmlu qabża fil-kwalità.”