Ġew żvelati dettalji dwar kif l-hekk imsejjaħ Organized Crime and Corruption Reporting Project, jew OCCRP, hu kompletament dipendenti fuq fondi ġejjin mill-Gvern Amerikan, li wkoll għandu l-aħħar kelma fuq min jista’ jiġi investigat.
Tali intriċċi fil-proġett, li jagħti l-impressjoni li hu indipendenti, ġiet żvelata fl-aħħar jiem minn sit Franċiż bl-isem ta’ Mediapart, li kixef kif l-OCCRP irċieva mas-sebgħa u erbgħin miljun dollaru Amerikan mill-Gvern Amerikan mindu twaqqaf.
L-OCCRP ukoll wettaq investigazzjonijiet f’Malta permezz tat-Times u s-Sunday Times.
Il-qrubija tal-OCCRP mal-Gvern Amerikan dehret ukoll meta l-ko-fundatur u l-kap tal-proġett, Drew Sullivan, ġie ffaċċjat b’mistoqsijiet f’intervista fejn stqarr li hu grat ħafna lejn il-Gvern Amerikan. L-istess Sullivan, fl-2021, kien iddikjara li Malta hi “stat Mafjuż”.
Issa l-informazzjoni żvelata minn Mediapart qed tqajjem dubji serji dwar il-kredibbiltà tal-proġett u l-indipendenza editorjali, minkejja li l-OCCRP jistqarr li d-donazzjonijiet ma jaffettwawx l-investigazzjonijiet tiegħu.
Madankollu, skont is-sit Franċiż, l-OCCRP kien għażel li, fost l-oħrajn, ma jippubblikax artiklu dwar stati Amerikani magħrufin bħala ‘tax havens’ għas-segretezza li joperaw biha, inkluż Delaware, u minflok jiffavorixxi investigazzjonijiet oħrajn bħal dawk fir-Russja, l-Asja Ċentrali u pajjiżi fil-Lvant tal-Ewropa.
Il-kredibbiltà tal-proġett tkompli titnaqqar meta d-Dipartiment tal-Istat Amerikan għamel donazzjoni lill-OCCRP ta’ miljun dollaru bl-iskuża biex, suppost, tissaħħaħ il-kapaċità tal-ġurnalisti f’Malta u Ċipru fuq medda ta’ sentejn.
Programm li ġie mġedded f’Settembru ta’ din is-sena b’donazzjoni, din id-darba ta’ wieħed punt tliet miljun dollaru Amerikan.
Lokalment, dan il-proġett hu affiljat partikolarment mat-Times of Malta u l-ġurnalist Jacob Borg, li xi snin ilu kienu saħansitra ħarġu messaġġi tiegħu ma’ esponenti tal-establishment Nazzjonalista, bħal Jason Azzopardi, waqt li dan kien għadu deputat Parlamentari.
Issa din l-istorja qanqlet diversi reazzjonijiet internazzjonali u mhux b’inqas f’pajjiżna u l-gazzetti fil-ħarġiet tagħhom tal-Ħadd.
L-aktar imqanqal kien l-editorjal tal-gazzetta Illum li, taħt it-titlu ‘Mela le, ejja nifmhu l-aġenda tagħhom’, innota l-ipokrezija tal-proġett għall-fatt li dan ġieli kkundanna sezzjonijiet tal-midja f’pajjiżna li, skontu, huma mixtrijin. Meta issa ħareġ li l-OCCRP nnifsu qed jagħmel l-istess.
Hawnhekk, l-editorjal tal-gazzetta bil-Malti stqarr kif dak żvelat juri biċ-ċar u mingħajr ebda dubju li l-Gvern Amerikan mhux biss jagħti miljuni lill-OCCRP, imma wkoll jikkontrolla fuq min u kontra min isiru l-investigazzjonijiet.
Dan filwaqt li saħaq kif dan il-finanzjament mhux intiż biex jiġu investigati l-interessi tal-Istati Uniti, iżda biex turi l-ikrah ta’ pajjiżi oħrajn u toskurahom b’kull mezz.
L-istess editorjal jitkellem ukoll dwar attakk li nfetaħ minn esponenti tal-istess proġett ġurnalistiku biex jimmina ażjendi lokali bħall-Mediatoday, li tippubblika l-gazzetta Illum.
Fil-ħarġa tagħha tal-Ħadd, il-MaltaToday, mill-istess dar tal-pubblikazzjoni, ukoll irrapportat bi prominenza din l-aħbar hekk kif ingħatat ħarsa lejn ir-rabtiet li dan il-proġett għandu ma’ pajjiżna u l-fatt li, skont sorsi, il-Gvern Amerikan saħansitra għandu s-saħħa tal-veto dwar ħatriet importanti fl-organizzazzjoni, bħall-Kap Eżekuttiv u l-editur tagħha, aspett li jkompli jqajjem dubji fuq aġenda moħbija.
Il-gazzetta It-Torċa nnotat din l-aħbar hekk kif tefgħet dawl fuq il-fatt, li biex ma jitqajmux suspetti fuqha l-OCCRP, allegatament taħbi d-donazzjonijiet ma’ ażjendi sħab tagħha, għalkemm s’issa għadu mhux magħruf jekk it-Times of Malta hix involuta wkoll f’dan il-finanzjament.