L-intenzjoni tal-Partit Nazzjonalista dejjem kienet li jaraw lill-General Workers’ Union tispiċċa mingħajr dar minfejn topera.
Dan intqal mill-Ministru għall-Artijiet Stefan Zrinzo Azzopardi, meta fil-Parlament ressaq riżoluzzjoni sabiex jiġi emendat il-kuntratt oriġinali tal-konċessjoni li ngħatat lill-unjin.
Intqal li bis-saħħa tat-tibdil propost, il-General Workers’ Union se tibqa’ tikri żoni fil-binja tagħha lil terzi. Wara studji li saru mill-Awtorità tal-Artijiet ħareġ li l-unjin trid tħallas kumpens ta’ kważi żewġ miljun ewro biex issir it-tibdil fil-kuntratt tal-kirja.
Fakkar li dak li għamlet il-Qorti fis-sentenza tagħha kien li ħalliet fit- totalità tagħha l-konċessjoni emfitewtika bil-kundizzjonijiet kif kienu però, kellhom jitħassru l-provedimenti tal-kuntratt li sabet li kien hemm ksur tagħhom.
Qal, “Mela l-intenzjoni li l-Oppożizzjoni ressqet il-kawża ma kinitx il-kwistjonijiet li għandna ninfurzaw… l-iskop kien wieħed: ejja nattakkaw il-General Workers’ Union.”
L-Oppożizzjoni vvotat kontra din ir-riżoluzzjoni u se jittieħed vot finali aktar tard dan ix-xahar.