Il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista Leonid McKay, waqt il-programm Sibt il-Punt fuq ONE ħabbar li f’dawn il-festi, il-Partit Laburista se jiftaħ id-dar tiegħu għal dawk kollha li jixtiequ jagħtu kontribut finanzjarju.
Iżda spjega li din is-sena, mhux se tkun biss maratona ġbir ta’ fondi, filwaqt li tenna li dan xorta waħda huwa importanti, ġiet emfasizzata l-importanza li jkunu miġbura numru ta’ nies fosthom attivisti u delegati.
Qal, “Nippruvaw anke nagħtu rigal sabiħ lid-delegati tagħna, li ser ikunu qiegħdin jirċievu matul dan il-jiem stedina mingħand il-Prim Ministru u Dr Lydia Abela biex jiġu u jiltaqgħu, anke mal-Prim Ministru u l-mara tiegħu, u wkoll għall-ewwel darba se nkunu qegħdin nagħtu xi ħaġa speċjali lil numru ta’ tesserati li se jkunu qegħdin jagħlqu xi ħaġa speċjali.”
L-organizzaturi tal-maratona ħasbu li jkun hemm Villaġġ tal-Milied quddiem iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun li se jkun jikkonsisti f’25 stall fosthom ta’ ikel u xorb, u oġġetti tal-Artiġjanat marbuta mal-Milied. In-nies se jkollhom spettaklu permezz ta’ kant u mużika mill-band Kantera, Kevin Paul, u Marisa d’Amato.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista spjega li se jindaqqu wkoll għanjiet tal-Milied mill-banda tal-Partit Laburista. Huwa stieden lil kulħadd sabiex jattendi għal din l-attività li fiha se jkun hemm preżenti t-tmexxija u l-amministrazzjoni tal-Partit Laburista. Il-maratona ġbir ta’ fondi tal-Partit Laburista se ssir il-Ħadd 15 ta’ Diċembru minn 12pm ‘il quddiem.