Ma stajniex ngħidu iva għal prinċipji li jmorru kontra l-interessti tal-istudent jew huma insostenibbli.
Qalet dan is-Segretarju Permanenti fi ħdan l-Uffiċju tal-Prim Ministru, li tmexxi wkoll id-Dipartment tar-Relazzjonijiet Industrijali, Dr Joyce Cassar, waqt il-programm Vi Jew Va, fuq ix-xandir nazzjonali.
Dan b’rabta mad-diżgwid li hemm bejn l-MUT u l-MCAST, u li ħalla eluf ta’ studenti fil-għama – li ma jafux il-marki tagħhom u lanqas jekk hux se jiggradwaw.
“Aħna wkoll konxji li jekk hemm lista t’affarijiet insostenibbli, u mhijiex favur l-istudent, u mhijiex ħa ġġib sinerġija anke ma’ ħaddiema oħra anke f’setturi oħra, aħna ma stajniex ngħidu iva.”
Joyce Cassar
Hawnhekk, Cassar, tkellmet kif dawn id-diskussjonijiet imorru lil hinn mill-finanzi, hekk kif il-pakkett finanzjarju ma jirriflettix biss iż-żieda fil-paga. Stqarret kif kien hemm talbiet li riedu jibdlu l-prinċipji li ma’ unjins oħra ma jinbidlux, filwaqt li huwa skorrett li l-unjin tgħid li l-amministrazzjoni qed tiprova tintimida.
“L-intimidazzjoni saret meta aħna nitolbu biex jieqfu d-direttivi la qed nimxu fil-qbil li għaddej u l-unjin tinsisti li le. Meta ngħidu għamilna progress u meta nisma’ l-prinċipal tal-MCAST kważi jitkarrab bil-ħniena biex isiru l-gradwazzjonijiet u jgħidu le. Meta jhedduna f’kamra – saret u għandi x-xhieda, għax il-protesti jkomplu u taf x’jiġri mill-protesti.”
Joyce Cassar
Cassar semmiet kif bħala Amministrazzjoni, huma għamlu fthemiet li jkopru eluf ta’ persuni u setturi, iżda l-unjin inkwistjoni, telqet mill-kamra meta ngħatat lista ta’ affarijiet li ma jistgħux jikkonċedu għalihom.
Prinċipju wieħed jibqa’ ewlieni – dak li jiġu ssalvagwardjati l-interessi kemm tal-letturi, iżda wkoll tal-istudenti.
Fost il-prinċipji li talbet l-MUT, hemm €400 għal kull student li ma jgħaddix minn xi eżami, ħidma remota għal ħaddiema li xogħolhom jirrikjedi kuntatt mal-istudent, b’din l-allokazzjoni tinġema’ minn ġimgħa għal oħra, u li persuni li jassistu lill-istudenti jkunu jistgħu jidħlu għax-xogħol fis-sitta ta’ filgħodu.