Il-Baċir Numru 1 f’Bormla għandu sistema ġdida ta’ dawl. Dan il-proġett ġie inawgurat mis-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia.
Huwa qal li dan il-proġett jikkumplimenta l-bżonn li jiġu rinovati żoni storikament sinifikanti, filwaqt li jiġu offruti esperjenzi moderni u siguri għar-residenti u l-viżitaturi.
Din is-sistema ġdida tinkludi dwal LED effiċjenti fl-enerġija u sistemi ta’ kontroll avvanzati. Dan filwaqt li tagħti dehra mill-isbaħ lill-Baċir Numru 1 bil-lejl, iżda wkoll tnaqqas il-konsum tal-enerġija u tikkontribwixxi għall-miri tal-pajjiż lejn sostenibbiltà akbar.
“Dan huwa proġett li mhux biss iġib ġieħ lill-istorja tagħna, iżda wkoll jiżgura li żoni bħal dawn isiru spazji ħajjin u vibranti għall-ġenerazzjonijiet tal-lum u tal-futur.”
Is-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia
B’dan l-investiment, il-Baċir Numru 1 f’Bormla issa qiegħed jixgħel bħala simbolu tal-konnessjoni bejn l-istorja rikka tal-Kottonera u l-viżjoni moderna tal-pajjiż għall-iżvilupp urban sostenibbli.