Wara s-suċċess tal-ewwel konsultazzjoni pubblika f’Santa Luċija dwar kif se tiġi mitigata l-isifda tal-konġestjoni tat-traffiku f’pajjiżna, il-Ministru Chris Bonett se jipparteċipa mal-pubbliku f’laqgħa oħra ta’ konsultazzjoni, din id-darba t-Teatru Orpheum, il-Gżira, nhar l-Erbgħa li ġej, 11 ta’ Diċembru fis-6pm.
L-għan ewlieni ta’ dawn il-laqgħat pubbliċi huwa li jiġi offrut spazju lil kull min irid jikkontribwixxi b’ideat u opinjonijiet li jwasslu għal soluzzjonjiet kemm fl-immedjat, kif ukoll fit-tul.
Fl-ewwel konsultazzjoni pubblika f’Santa Luċija tressqu numru ta’ proposti minn diversi individwi mill-pubbliku fosthom ideat bħal inċentivi finanzjarji f’forma ta’ tax credit fl-ewwel xiri ta’ proprjetà biex żgħażagħ ta’ 18-il sena jċedu l-liċenzja tagħhom għall-ewwel ħames snin, kif ukoll penali għall-ġenituri li ma jibagħtux lil uliedhom bis-servizz ta’ trasport tal-iskejjel b’xejn.
Dan il-proċess ta’ konsultazzjoni qed issir ma’ kullħadd, stakeholders, NGOs u mal-pubbliku.
Il-Ministru Bonett sostna li mis-sena d-dieħla, fuq medda ta’ 18-il xahar, il-proposti se jissarfu f’miżuri wara li jiġu analizzati.
Fil-bidu ta’ Novembru wara l-baġit għas-sena d-dieħla, il-Ministru Bonett spjega kif il-proposti mħabbra huma mibnija fuq sitt pilastri:
- Inizjattiva li tħares lejn ekonomija ta’ 24 siegħa;
- Inizjattiva li tirregola n-numru u l-użu tal- vetturi;
- Inizjattiva dwar il-parkeġġ;
- Inizjattiva li ssaħħaħ il-mobilità sostenibbli, waqt li jitjieb is-servizz tat-trasport pubbliku; u
- li jkun hemm titjib fil-kordinazzjoni tax-xogħlijiet infrastrutturali fit-toroq ta’ pajjiżna.
Kull min jixtieq jissottometti l-ideat, opinjonijiet jew suġġerimenti tiegħu, jista’ jagħmel dan fuq is-sit reshapingourmobility.com, li se tibqa’ miftuħa għall-pubbliku sal-aħħar ta’ din is-sena.