Il-ftehim fit-tmexxija tal-OSCE wara bosta snin u anki ż-żjara tal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Russu Sergey Lavrov fl-ewwel pajjiż tal-Unjoni Ewropea minndu bdiet il-gwerra. Dawn kienu l-aktar żewġ punti li ġew irrapportati mill-midja internazzjonali waqt il-Kunsill Ministerjali tal-OSCE, li sar f’pajjżna f’dawn l-aħħar jiem.
Is-sit internazzjonali Euronews irrapporta dwar l-ewwel żjara ta’ Lavrov f’pajjiż tal-Unjoni Ewropea mill-bidu tal-gwerra fi Frar tal-2022. Ġie rrapportat li waqt id-diskors ta’ Lavrov, il-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Ukrajna, il-Polonja u l-Estonja ħarġu ’l barra mill-kamra.
Intqal kif preżenti għal din il-konferenza kien hemm il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Ukrejn Andrii Sybiha li sostna dwar id-dritt li għandu pajjiż li jeżisti, waqt li sejjaħ lil Lavrov bħala “kriminal tal-gwerra”. Ġie rrapportat kif Lavrov qal li hemm miżinformazzjoni dwar pajjiżu.
Is-sit BBC irrapporta kif il-preżenza ta’ Lavrov fil-konferenza kienet waħda kontroversjali.
Ġie rrapportat kif Lavrov akkuża lill-Punent li qed twassal biex terġa’ mill-ġdid għall-gwerra bierda. Iżda qal li hemm riskju li din id-darba tkun agħar.
L-aġenzija tal-aħbarijiet Reuters irrapportat li l-organizzazzjoni li tul din is-sena tmexxiet minn Malta, għandha Segretarju Ġenerali ġdid, li ilha vakanti għal xhur.
Fl-istess artiklu ġie spjegat kif l-organizzazzjoni twaqqfet fil-perjodu tal-gwerra bierda. Intqal li kemm ilha li bdiet il-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna, ir-Russi waqgħu milli l-organizzazzjoni timxi ’l quddiem.
Dan wassal biex Malta, is-sena l-oħra ġiet magħżula biex tieħu l-Presidenza tal-OSCE tul din is-sena. Dan hekk kif ir-Russja ma ridietx li l-Presidenza tkun f’idejn l-Estonja u ntgħażlet Malta, art newtrali sabiex tkompli tmexxi ’il quddiem lil din l-akbar organizzazzjoni reġjonali ta’ sigurtà fl-Ewropa.
AQRA AKTAR: