Ix-xogħol fuq il-proġett tal-bini ta’ sptar ġdid Għawdex qed jissokta fid-dawl li bħalissa għaddej ix-xogħol marbut mal-istudji ġeotekniċi.
Aktar dwar dan spjegah l-inġinier James Grima, waqt żjara li għamel fuq il-post, il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela.
“Bdejna bl-istudji ġeotekniċi, dawn l-aħħar ħmistax bdejna nagħmlu l-kors f’locations strateġiċi madwar l-isptar biex nifmhu aħjar il-ġeoloġija tal-kampusu b’hekk ikollna l-informazzjoni neċessarja biex nagħmlu d-disinn tal-istruttura tal-isptar.”
Inġinier James Grima
Huwa nnota li l-istess stħarriġ joffri għarfien dwar l-istabbiltà tal-art, il-kapaċità li ġġorr it-tagħbija, u l-kunsiderazzjonijiet ambjentali potenzjali.
Il-Ministru Jo Etienne Abela Abela stqarr kif dan qed isir bħala parti mill-proġett ambizzjuż ta’ żvilupp, hekk kif l-isptar il-ġdid se jkollu bini modern għall-kura akuta, faċilità dedikata għar-riabilitazzjoni, u parkeġġ akbar.
Tenna li l-approċċ gradwali għall-kostruzzjoni se jiżgura l-kontinwità tas-servizzi mediċi essenzjali matul l-iżvilupp mill-ġdid.
“Kif qed taraw u tisimgħu warajja għaddej id-drilling. Din hija parti mill-fażi tal-istudji ġeoloġiċi ġewwa l-kampus tal-isptar ġewwa Għawdex qed jitħaffru tmien toqob biex nieħdu kampjuni tal-art li rridu nibnu l-isptar il-ġdid fuqha. Dan huwa proċess li se jispiċċa fi żmien ħmistax oħra.”
Ministru Jo Etienne Abela