Soru Taljana, li aktar kmieni din is-sena rebħet unur għax-xogħol voluntarju li twettaq fil-ħabs, kienet arrestata fuq suspett li kienet qed taġixxi bħala intermedjarju tal-mafja.
Skont il-midja Taljana, Anna Donelli li għandha 57 sena u li serviet bħala counsellor f’diversi ħabsijiet fl-akwati ta’ Brescia fit-Tramuntana tal-Italja, kienet arrestata l-Ħamis.
Bħala parti mill-istess investigazzjoni tal-pulizija, 24 persuna oħra ukoll ġew miżmuma għal diversi reati marbuta mal-mafja inkluż ħasil ta’ flus, traffikar ta’ droga u estorsjoni. Wieħed minn dawn huwa eks kunsillier tal-partit tal-Prim Ministru Giorgia Meloni, Brothers of Italy.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet il-Ħamis stess, il-prosekutur Francesco Prete qal li s-soru kienet aġixxiet bħala intermedjarju fil-ħabs għall-membri tal-grupp Tripodi li jiffurmaw parti mis-sindikat kriminali potenti bbażat fir-reġjun tan-Nofsinhar ta’ Calabria Ndrangheta. Huwa sostna li kienet twassal lill-assoċjati ordnijiet, direttivi u għajnuna morali u materjali bi skambju ma’ informazzjoni mingħand il-priġunieri sabiex joħolqu strateġiji kriminali aħjar.
Donelli kienet tirrefja partiti tal-futbol bejn il-priġunieri u skont il-prosekuturi,minħabba r-rwol spiritwali tagħha, kellha aċċess kbir fil-ħabs.
Minbarra l-arrest ta’ 25 persuna, il-pulizija ikkonfiskaw kważi żewġ miljun ewro waqt is-serje ta’ raids li saru.