L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin, l-IĠM, ikkundanna l-attakk minn partitarju u bodyguard tal-Partit Nazzjonalista li seħħ fuq il-ġurnalist ta’ ONE, Francesco Borg, waqt il-qadi ta’ dmirijietu fl-aħħar protesta nhar it-Tnejn li għadda fil-Belt Valletta.
Fl-inċident tat-Tnejn li għadda li kien l-aktar wieħed gravi, il-ġurnalist ta’ din il-kamra tal-aħbarijiet, Francesco Borg spiċċa litteralment mormi għal fuq il-barrikati li kien hemm fi Pjazza Ħelsien fil-Belt Valletta. Dan seħħ meta partitarju Nazzjonalista, intenzjonalment, tah daqqa ta’ spalla waqt li l-ġurnalist tagħna kien qiegħed isaqsi lid-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina.
Fl-istqarrija tagħha, l-IĠM ikkundannat ukoll il-mod li bodyguard tal-Kap Nazzjonalista żammu u ġie mfixkel milli jagħmel il-mistoqsijiet ġustifikati lil Bernard Grech.
L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin innota li dan huwa t-tieni inċident li seħħ fi spazju ta’ ġimagħtejn, waqt żewġ protesti tal-Partit Nazzjonalista.
Ġie nnotat ukoll kif il-Partit Nazzjonalista għadu ma kkundannax dawn iż-żewġ inċidenti.
Ġimagħtejn qabel seħħ inċident simili fuq ġurnalist ieħor ta’ ONE, Nolan Camilleri, li spiċċa imbottat u ostakolat mill-Kelliem ta’ Bernard Grech, Nathaniel Attard.
L-IĠM qalet li dawn l-inċidenti mhumiex tolerabbli. Intqal li l-ġurnalisti għandhom jagħmlu xogħolhom mingħajr xkiel.
B’rabta ma’ dan l-inċident fejn il-ġurnalist Francesco Borg ġie attakkat minn partitarju Nazzjonalista, l-editur ta’ ONE News Josef Caruana fetaħ rapport mal-Pulizija. Bl-IĠM, hawnhekk, tappella lill-Pulizija sabiex taġixxi dwar dan ir-rapport.
Fl-aħħar tal-istqarrija, l-IĠM uriet is-solidarjetà tagħha mal-ġurnalist ta’ ONE News.