Waqt il-laqgħa Ministerjali tal-OSCE, li ttellgħet fl-MFCC f’Ta’ Qali, bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa f’pajjiżna, intlaħaq qbil bejn is-sebgħa u ħamsin membru ta’ din l-organizzazzjoni.
Ħabbar dan iċ-Chairperson attwali tal-OSCE, u d-Deputat Prim Ministru Malti, Ian Borg, fejn qal li dan il-qbil se jkompli jfassal il-futur tal-OSCE. Dan filwaqt li huwa awgura lill-Amministrazzjoni ġdida tal-organizzazzjoni, kif ukoll lis-Segretarju Ġenerali ġdid, li miegħu indirizza konferenza tal-aħbarijiet.
Intqal li Malta se tħalli din l-organizzazzjoni b’ċertezza fuq dawk li se jmexxuha fis-snin li ġejjin.
It-tmexxija l-ġdida se tkun magħmula mit-Tork, Feiridun Sinirlioğlu li se jkun is-Segretarju Ġenerali tal-OSCE, u t-tliet diretturi responsabbli ta’ din l-organizzazzjoni. Dawn huma u-Griega, Maria Telalian; l-Olandiż, Christophe Kamp u n-Norveġiż Jan Braathu.
Id-Deputat Prim Ministru qal kif dan il-qbil ma kienx faċli, hekk kif irrikjeda xhur ta’ diplomazija u diskussjonijiet, kif ukoll wera li Malta għal darb’ oħra hi xhieda ta’ djalogu u l-paċi.
Stqarr kif din l-organizzazzjoni se tibqa’ pjattaforma ta’ multilateraliżmu, għal dawk li jridu joħolqu dinja aktar ġusta.
Żied jispjega, kif ma kienx pajjiżna li fittex din ir-responsabilità, iżda pajjiżna emmen fl-OSCE u r-rwol li toħloq id-djalogu, minkejja li kien hemm biss ftit ġimgħat ta’ preparazzjoni.
“It was not a responsability we sought but one we felt compelled to accept. The OSCE was an impasse, phased with fundamental geopolitical divisions and institutional paralysis. At that moment Malta rose to the occasion, firmly believing in the purposeof the OSCE and its vital role in promoting peace, security and dialogue.”
Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg
Id-Deputat Prim Ministru, mhux biss semma numru ta’ prinċipji importanti għal din l-organizzazzjoni, iżda wkoll tkellem dwar kif il-Gwerra fl-Ukrajna, u kif id-djalogu jista’ jwassal għall-paċi.
Huwa innota, ir-rwol importanti ta’ pajjiżi żgħar, fejn qatt qabel ma kellek pajjiż li jippresjedi l-OSCE kif ukoll iservi fuq il-Kunsill tas-Sigurtà, f’dawk li ddeskriva bħala sentejn storiċi għal Malta, fejn kellna l-opportunità unika li nuru lill-kumplament tal-komunità internazzjonali, hekk kif – li titwieled f’pajjiż żgħir ma jfissirx li m’għandekx x’toffri għall-paċi u l-istabbilità.
“Qatt qabel ma kellek ċirkostanza fejn pajjiż ikun qiegħed jippresjedi l-OSCE u fl-istess ħin iservi fuq il-Kunsill tas-Sigurtà, jiġifieri dawn is-sentejn u propju din is-sena għal Malta kienu storiċi u naħseb li kienu opportunità unika għall-uffiċjali Maltin, għad-diplomatiċi tagħna, għall-ambaxxaturi, għar-rappreżentanti permamenti, li juru lill-kumplament tal-komunità internazzjonali li inti titwieled f’pajjiż ta’ tlett mija u erbatax-il kilometru kwadru u f’popolazzjoni ta’ ftit aktar minn nofs miljun ma jfissirx li inti m’għandekx x’toffri għall-paċi u l-istabbiltà mhux biss f’pajjiżek imma f’dan il-każ fid-dinja.”
Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg
Dan filwaqt li aċċenna kif il-fatt li pajjiżna huwa militarjament newtrali, wassal biex Malta kienet fdata minn kulħadd.
Intant, fi tmiem din il-laqgħa, id-Deputat Prim Ministru, Ian Borg, qal kif il-qtil għandu jieqaf, u n-nies li qed jinqatlu fl-Ukrajna, għandhom jgħixu fil-paċi.
Stqarr – tliet ġimgħat il-bogħod minn meta pajjiżna se jgħaddi l-Presidenza lill-Finlandja – kif din kienet ta’ unur għal pajjiżna, li jemmen fl-irwol tal-OSCE – li jwassal għall-prosperità, l-paċi u s-sigurtà.Diversi persuni minn pajjiżi oħra, fosthom mill-Finlandja, irrimarkaw il-ħidma eċċellenti ta’ pajjiżna fil-Presidenza u tad-Deputat Prim Ministru Malti, Ian Borg.