Il-Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin Sergey Lavrov ikkritika lill-Punent meta kien qed jindirizza l-laqgħa tal-OSCE li qed titlaqqa’ bħalissa f’Malta.
Huwa qal li l-prinċipji ta’ Helsinki, jiġifieri l-ftehim li kien intlaħaq kważi 50 sena ilu biex iqarreb il-pajjiżi tal-Punent u tal-Lvant, huma fiergħa għan-NATO u għall-Unjoni Ewropea.
Konxju bil-preżenza tas-Segretarju tal-Istat Amerikan Anthony Blinken ftit bogħod minnu, Lavrov akkuża lil Washington b’eżerċizzji militari fl-Oċean Paċifiku. Qal ukoll li pajjiżu mhux se jċedi u se jkompli bil-gwerra fl-Ukrajna. Kliem Lavrov ġab l-istmerrija ta’ bosta, filwaqt li oħrajn lanqas biss qagħdu jisimgħuh għax ħarġu ‘l barra.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Ukren għall-Affarijiet Barranin Andriy Sybiha qal li r-Russja hija l-ikbar theddida għas-sigurtà u sejjaħ lil Lavrov bħala kriminal tal-gwerra.
Blinken akkuża lil Lavrov b’tixrid ta’ miżinformazzjoni u akkuża lil Moska bl-eskalazzjoni tal-gwerra fl-Ukrajna. Qal li l-gwerra hija missjoni ta’ Putin biex iħassar lill-Ukrajna mill-mappa.