Il-President Franċiż Emmanuel Macron illum beda jiltaqa’ ma’ alleati u politikanti hekk kif qed ifittex li japponta prim ministru ġdid kemm jista’ jkun malajr, ġurnata biss wara li waqa’ l-gvern ta’ Michel Barnier.
Il-gazzetta Le Parisien irrappurtat li Francois Bayrou, li spiss jissemma mill-midja Franċiża bħala suċċessur ta’ Barnier, kien skedat li jippranza ma’ Macron. Bayrou huwa politikant veteran ċentrist u ħabib sew ma’ Macron.
Il-Ministru tad-Difiża uxxenti Sebastien Lecornu huwa wkoll wieħed milli qed jissemma bħala kandidat għall-prim ministru iżda s’issa ma ssemma xejn dwar xi laqgħa ma’ Macron.
Qed jingħad li Macron irid jappunta lil xi ħadd malajr possibilment qabel iċ-ċerimonja tal-ftuħ mill-ġdid tal-Katidral Notre Dame nhar is-Sibt wara li kien rinovat kawża għall-inċendju. Il-President Elett tal-Istati Uniti Donald Trump huwa wieħed mill-kapijiet ta’ stat li mistenni jattendi għal din iċ-ċerimonja.
Ħafna huma dawk favur ta’ appuntament malajr hekk kif wara l-aħħar elezzjonijiet fis-sajf Macron dam kważi xahrejn biex ħatar lil Barnier.
Macron u Barnier kellhom laqgħa ta’ siegħa dalgħodu fejn kien mistenni li Barnier jagħti l-ittra ta’ riżenja iżda s’issa għad mhemmx konferma ta’ dan. Il-President Macron mistenni jindirizza l-poplu fuq it-televiżjoni fit-8:00 tal-lejla u kellu wkoll jiltaqa’ mal-Kap tas-Senat illum waranofsinhar.