Bejn illum u għada, Malta se tospita l-akbar konferenza Ministerjali internazzjonali, li qatt ospitat. Dan hekk kif f’din il-laqgħa, fl-MFCC, f’Ta’ Qali, se jkun hemm preżenti 57 Ministru tal-Affarijiet mill-pajjiżi membri tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa, l-OSCE.
Dawn il-Ministri se jintlaqgħu mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin, Ian Borg, li bħalissa huwa ċ-Chairperson tal-OSCE.
Din il-laqgħa għolja qed issir f’pajjiżna hekk kif din is-sena għandna l-Presidenza ta’ din l-akbar organizzazzjoni reġjonali. Din l-organizzazzjoni hi magħmula minn pajjiżi mill-kontinent Ewropew, l-Asja Ċentrali u l-Amerka ta’ Fuq.
F’intervista ma’ ONE News, ilbieraħ, ir-Rappreżentanta Permanenti ta’ Malta għall-OSCE, Natasha Meli Daudey qalet li l-paċi u s-sigurtà se jkunu fuq nett tal-aġenda f’din il-laqgħa tant importanti.
Preżenti għal din il-laqgħa hawn fost oħrajn is-Segretarju tal-Istat Amerikan, Anthony Blinken, li lbieraħ filgħaxija ltaqa’ mal-Prim Ministru Malti Robert Abela, fil-Berġa ta’ Kastilja.
Għal din il-laqgħa se jkun hemm ukoll il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Russu Sergey Lavrov, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Ukren Andrii Sybiha, flimkien ma’ Ministri oħrajn ta’ pajjiżi membri tal-OSCE.
AQRA AKTAR: