- Erba’ persuni tilfu ħajjithom wara li karozza nstaqet fuq folla fuq Westminster Bridge
- Pulizija u mara fost il-persuni li tilfu ħajjithom fl-attakk
- Fost il-midruba hemm tliet studenti Franċiżi
L-inħawi ta’ Westminster f’Londra, li jissimbolizzaw it-tmexxija tar-Renju Unit, sfaw fil-mira ta’ attakk terroristku għal ħabta tal-erbgħa neqsin kwart ta’ waranofsinhar ħin Malti.
Jidher li minn tal-inqas erba’ persuni, fosthom uffiċjal tal-Pulizija u mara, inqatlu wara li sensiela ta’ tiri minn arma tan-nar instemgħu jidwu madwar Westimnster Bridge barra l-Palazz ta’ Westminster, fejn hemm il-Parlament Ingliż.
Fl-istess ħin, ġie rrappurtat, aggressur saq karozza għal fuq persuni tul Westminster Bridge qabel ma saq għal fuq il-barrikati ta’ barra l-Parlament, fejn darab minn tal-inqas għoxrin persuna. Dan imbagħad irnexxielu jidħol ġewwa l-Parlament u b’arma li taqta’ u bil-ponta fera lil uffiċċjal tal-Pulizija.
Madanakollu l-Pulizija Metropolitana f’Londra kkonfermat ftit tal-ħin wara, li sparaw fuq l-aggressur.
Fost il-feruti f’dan l-attakk hemm ukoll tliet studenti Franċiżi, hekk kif ikkonermat mill-Prim Ministru Franċiż.
Ma’ dan l-attakk il-Parlament Ingliż ingħalaq għalkollox u membri tal-House of Commons baqgħu fil-bini fejn laqgħa li kienet għaddejja fil-ħin tal-attakk ġiet sospiża. Il-Prim Ministru Theresa May ittieħdet lejn l-uffiċju tagħha f’Number 10 Downing Street biex tinżamm f’post sigur.
Kelliema għal St.Thomas Hospital, fejn il-persuni midruba qed jingħataw il-kura, qalu li kollha qed isofru minn ġrieħi ‘katastrofiċi’.
Intant il-Parlament Skoċċiż f’Holyrood issospenda d-dibattitu dwar ir-referendum għall-Indipendenza Skoċċiża fid-dawl ta’ dawn l-attakki, bil-Kap tal-Gvern Skoċċiż Nicola Sturgeon turi l-appoġġ tagħha fuq Twitter. Magħha ingħaqad ukoll il-Prim Ministru Malti Joseph Muscat, (TWEET VOICEOVERS) kif ukoll il-Parlament Malti li esprima s-sogħba u s-solidarjetà mal-Gvern Ingliż u l-familjari ta’ dawk li ndarbu.
Sadanittant kelliema tal-Pulizija Metropolitana f’Londra qal li l-investigazzjoni mill-Iskwadra ta’ kontra t-terroriżmu għadhom għaddejjin. Fil-ħin ta’ wara l-attakk in-nies kienet imwissija tevitaw l-inħawi ta’ Parliament Square, Westminster Bridge, Lambeth Bridge u Victoria Road. Dan filwaqt li l-famuża London Eye ukoll ingħalqet għal pubbliku.