Waqt il-ħin tal-aġġornament fil-Parlament it-Tlieta filgħodu, il-Whip tal-Gvern Naomi Cachia tat spjega tas-sentenza tal-Qorti tal-Appell b’rabta mal-konċessjoni tal-isptarijiet.
L-Onorevoli Cachia spjegat kif minn tlett talbiet li saru mill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, u Adrian Delia, il-Qorti tal-Appell ċaħdet l-ewwel u t-tieni talbiet, safejn dawn riedu dikjarazzjoni illi l-Avukat tal-Istat għandu dmir illi jaġixxi, u l-Qorti hawn tagħmel distinzjoni bejn dritt u dmir – propju ghaliex l-Avukat tal-Istat ma għandu jkun suġġett għad-direzzjoni jew għall-kontroll ta ebda persuna jew awtorità oħra, u d-deċiżjoni jmexxix jew le tittieħed mill-Avukat tal-Istat waħdu, fil-għaqal tiegħu, u ebda awtorità ma tindaħallu f’dik id-deċiżjoni.
Minkejja li l-Qorti qalet dan kollu, Bernard Grech kien pront joħroġ fuq l-għatba tal-Qorti u saħansitra fuq il-profil ta’ Facebook tiegħu kiteb li jekk ma jaġixxix, il-Partit Nazzjonalista ha jżommu personalment responsabbli tat-tradiment lejn il-poplu. L-Onor. Cachia iddiskreviet dan l-aġir bħala deplorabbli, irresponsabbli u kkundannabbli, u eżempju ta’ kif ir-rispett lejn l-awtoritajiet jużawh biss kif u fejn jaqblilhom.
Fir-rigward tat-talba l-oħra li saret minn Grech u Delia, il-Qorti tal-Appell ikkonfermat li permezz ta’ artiklu 33 tal-Att dwar l-artijiet tal-Gvern, l-Avukat tal-Istat għandu s-setgħa li jitlob in-nullità ta’ trasferiment, u hawnhekk il-Whip qalet li dawn l-azzjonijiet bdew iseħħu ferm qabel is-sentenza tal-Qorti.
Ikkwotat ukoll is-sentenza tal-Qorti fejn qalet li “ċertu kliem użat fir-rikors tal-appell huwa kliem żejjed u ma għandux jitħalla jidħol f’atti tal-qorti. L-atti tal-qorti għandu jkun fihom dak kollu, iżda dak biss, li jkun meħtieġ għas-soluzzjoni tal-vertenza, u mhux biex isiru stqarrijiet għall platea.” Dan juri biċ-ċar kemm Bernard Grech u Adrian Delia ma jitilfux okkażjoni biex ipoġġu l-interess partiġġjan tal-Partit Nazzjonalista qabel dak nazzjonali.