“It-trawwim u l-investiment f’ambjent biex titħaffef u tittejjeb l-effiċjenza fil-proċess ta’ skoperta ta’ mediċini ġodda innovattivi, huma kritiċi għas-settur farmaċewtiku tal-UE”.
Sostna dan il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela hekk kif jinsab fi Brussell fejn qed jattendi għall-EPSCO Health Council Meeting. Matul dan il-Kunsill, qed jiġu diskussi numru ta’ temi fosthom dwar ir-rapport tal-Futur tal-Kompetittività tal-Ewropa, il-pakkett farmaċewtiku, l-użu tat-tabakk, id-donazzjoni tal-organi u kif ukoll il-konklużjonijiet dwar tisħiħ tas-saħħa kardjovaskulari.
Fl-intervent tiegħu dwar ir-rapport tal-Futur tal-Kompetittività tal-Ewropa, il-Ministru Jo Etienne Abela qal li din hija era ġdida ta’ mediċina fejn il-prodotti mediċinali qed isiru dejjem aktar kumplessi sabiex jipprovdu trattament immirat bħal dak ta’ terapija avvanzata. Il-Ministru Jo Etienne Abela saħaq li mingħajr simplifikazzjoni serja fil-proċessi burokratiċi ta’ liċenzjar u awtorizzar ta’ mediċini ġodda, l-Ewropa ma tistax tħejji lilha nnifisha għall-futur,
Il-ministru semma kif l-UE hija effettiva u b’saħħitha meta taħdem f’għaqda, għalhekk huwa kruċjali li tuża l-kompetenzi kollha biex bihom naħdmu flimkien. Qal kif “B’hekk biss nistgħu nilħqu l-għanijiet mixtieqa tagħna flimkien, jiġifieri dik ta’ politika mmirata lejn l-innovazzjoni madwar l-UE kollha.”
Il-ministru qal kif ir-rapport jisħaq li bħala UE rridu nżidu l-investiment, kemm pubbliku kif ukoll privat u ninvestu sew fil-ħiliet meħtieġa. Tkellem ukoll dwar kif in-nies studjati fis-settur u qasam strutturat ta’ riċerka huma l-materja prima għall-innovazzjoni li mingħajrhom ma naslu mkien. Madankollu, qal kif dawn ma jaqgħux fil-kompetenza tal-ministri tas-saħħa biss, u għalhekk hija meħtieġa strateġija transsettorjali orizzontali, irregolata fl-ogħla livell.
Il-ministru temm jgħid li “Din l-era ġdida ta’ mediċina personalizzata teħtieġ front Ewropew wieħed u mhux kompetizzjoni bejn stati kbar u żgħar.