Premju akbar u trofew ġdid għall-dawn il-finali
L-EquestriMalta Grand Final tat-trott mistennija terġa ssir għat-tieni sena konsekuttiva fis-26 ta’ Diċembru 2024. Din se tkun mifruxa fuq żewġ finali, b’waħda minnhom għall-aktar sitt żwiemel konsistenti tal-klassi Premier u Gold flimkien u l-oħra rispettivament għal dawk l-erbgħa żwiemel l-aktar konsistenti tal-klassi Silver, Bronze u Copper flimkien. Għal darb’oħra se terġa tiġi applikata s-sistema taż-żigarella li mistennija toħloq spettaklu bis-sistema li tagħti vantaġġ skond il-klassi taż-żwiemel rispettivi.
Għal dan l-avveniment EquestriMalta se tkun qed tippreżenta sponsor għal premju kumplessiv ta’ madwar €12,000 mifrux fuq iż-żewġ finali. Se jiġi ppreżentat lir-rebbieħa għall-ewwel darba minn EquestriMalta, trofew ġdid b’figura ta’ sewwieq tat-trott fuq serkin tal-bronż, ikkumplimentat b’lavur t’artiġġjanat bil-metall mill-artist Sebastian Aquilina.
Iż-żwiemel jiġu mistiedna jieħdu sehem skond il-klassifika tal-aqwa żiemel konsistenti tal-Malta Racing Club fit-15 ta Dicembru 2024 u jigu miktuba fil-klassi fejn ikunu intrebhu l-iktar punti matul l-istagun. Id-distanza għal darb’ohra se tiġi deċiża b’polza li tittella waqt konferenza stampa li tigi imsejha iktar il-quddiem. Id-distanza tista tkun ta 2160 metru jew 3160 metru. Aktar dettalji jingħataw mal-ħin, filwaqt li mistennija jiġu mxandra wkoll it-tlugħ tal-poloz.