F’perjodu ta’ ġimagħtejn u waqt it-tieni protesta tal-Partit Nazzjonalista quddiem il-Parlament, ġurnalist ieħor ta’ ONE News ġie attakkat waqt il-qadi ta’ dmirijietu t-Tnejn filgħaxija.
Fi spazju ta’ ftit ħin, il-ġurnalist tagħna, Francesco Borg, ġie mfixkel milli jistaqsi l-mistoqsijiet ġustifikati tiegħu. L-ewwel lid-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina, magħruf li hu vvizzjat li ma jirrapportax għax-xogħol mal-Gvern, u t-tieni, mill-ġdid, lill-Kap Bernard Grech, li din id-darba, flok il-kelliem Nathaniel Attard, sibna lill-bodyguards tiegħu li tqabbdu apposta.
Fl-ewwel inċident, li hu l-aktar gravi, il-ġurnalist spiċċa litteralment mormi għal fuq il-barrikati li kien hemm fi Pjazza Ħelsien, fil-Belt Valletta, bi tħejjija għall-protesta Nazzjonalista. Dan hekk kif partitarju mdaqqas Nazzjonalista, intenzjonalment, tah daqqa ta’ spalla waqt li, bil-mikrofonu f’idu, kien qed jimxi maġenb il-Perit Bezzina hu u ħiereġ mill-Parlament.
L-inċident, li wkoll jidher ċar li kien premeditat, seħħ f’tebqa t’għajn. Minkejja dan, mill-ġdid, inqabad mill-cameraperson tagħna fil-preżenza wkoll ta’ deputati oħrajn Nazzjonalisti, fosthom Julie Zahra, anke jekk ma tidhirx fil-filmati, u uffiċjali tal-Pulizija.
F’dan il-ħin u bl-aktar mod ċivili, Francesco Borg kien qed jistaqsi lil Bezzina jekk hux qed imur għax-xogħol.
Dan wara rapporti fil-midja, inkluż il-gazzetti Illum u It-Torċa, li Bezzina ma kienx qed jersaq lejn il-post tax-xogħol tiegħu Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi fir-rwol ta’ Senior Architect & Civil Engineer. Minflok, l-uniċi drabi li jarawh ’l hemm ikun meta jmur jiġbor il-voucher tal-fuel biex jimla l-karozza għall-użu personali tiegħu.
Ftit ħin wara, appena Bernard Grech, tfaċċa fil-bieb tal-Parlament, l-istess ġurnalist kompla xorta fuq dmiru u mar jistaqsi lill-Kap tal-Oppożizzjoni dwar il-kawża fil-Qorti li kienet għadha kemm inqatgħet filgħodu stess.
Minkejja dan, bi Grech imdawwar minn uffiċjali tal-Partit u gwardji tas-sigurtà, il-ġurnalist ġie mbottat minn wieħed mill-bodyguards u sussegwentement issikkat u mrażżan biex lanqas jersaq lejn Grech.
Bħalma seħħ ġimagħtejn ilu eżatt, meta dakinhar ġurnalist ieħor tagħna, Nolan Camilleri, ġie mbottat u mfixkel minn Nathaniel Attard, Francesco Borg ma tħalliex jaqdi dmiru.
Id-differenza li issa l-Kelliem Nazzjonalista għamel pass lura wara li ġie rrapportat lill-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin, l-IĠM, u minflok ħalla lill-bodyguards, biex jieħdu ħsieb din il-missjoni u jfixklu lil ONE News milli jwettqu dmirhom.
Dwar iż-żewġ każi nfetħu rapporti kemm mal-Pulizija kif ukoll mill-ġdid mal-IĠM, bil-għan li jittieħdu l-passi neċessarji u aggravji simili ma jkomplux jiġu ripetuti f’ġieħ id-demokrazija u s-saltna tad-dritt.
Xi ħaġa li l-Partit Nazzjonalista jitkellem ħafna fuqha, iżda fil-verità assolutament ma jafx kif tkun fil-prattika.
L-attakk u t-tfixkil irrapportati lill-pulizija u lill-IĠM
Sadanittant ONE News għamel rapport lill-Pulizija b’rabta mal-ewwel inċident, li involva lill-ġurnalist Francesco Borg waqt il-qadi ta’ dmirijietu fil-ħin li kienet qed issir il-protesta mill-Partit Nazzjonalista.
Kien il-Kap tal-Kamra tal-Aħbarijiet, Josef Caruana, li l-ewwel ħaġa dalgħodu għamel rapport formali fl-Għassa tal-Belt fejn ukoll ġew ippreżentati l-filmati oriġinali li nġibdu t-Tnejn filgħaxija, waqt li ngħata rendikont ta’ dak li kien ġara biex ikunu jistgħu jittieħdu l-passi fil-Qorti kontra l-partitarju Nazzjonalista.
ONE News informat li uffiċjali, li kienu xogħol fi Pjazza Ħelsien, kienu diġà rrapportaw il-każ, li involva lill-ġurnalist, lis-superjuri tagħhom u saħansitra kellmu lir-raġel.
Dwar dan u anke t-tieni inċident, li involva bodyguard ta’ Bernard Grech, Caruana wkoll fetaħ żewġ ilmenti mal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin, l-IĠM.