Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika, Miriam Dalli, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika Glenn Bedingfield, żaret lill-ħaddiema tad-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni, li issa ġiet taqa’ taħt id-dekasteru tagħha.
Clean Malta illum għandha tim ta’ 900 ħaddiem li ta’ kuljum jaħdmu biex il-pajjiż jinżamm nadif.
Fiż-żjara, id-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni, Ramon Deguara, spjega kif jinġabru mal-45 tunellata ta’ skart kuljum minn madwar il-pajjiż, waqt li s-Segretarju Parlamentari responsabbli spjega t-tagħmir ġdid li qed jiġi investit fid-Diviżjoni, inkluż dak li jaħdem bl-intelliġenza artifiċjali, u proġetti innovativi li qed jiġu studjati biex jiġu attwati fil-futur.
Il-Ministru Dalli tkellmet ma’ wħud mill-ħaddiema u tenniet li, bid-deċiżjoni li d-Diviżjoni tat-Tindif issa tingħaqad mal-Ministeru għall-Ambjent, hemm fejn isir ħafna aktar ġid.