Waqt edizzjoni speċjali minn Strasburgu tal-programm ‘Vi jew Va’, ippreżentat mill-ġurnalist Albert Gauci Cunningham, il-Membru Parlamentari Ewropew Nazzjonalista Peter Agius ipprova jitfa’ dubji fuq il-finanzi tal-Gvern u s-sostenibilità tas-sussidji tal-enerġija.
Fil-fatt, hu qal, kif, skontu, il-Kummissjoni Ewropea qed tiġbed l-attenzjoni tal-Gvern Malti biex ma jkomplix jassisti lill-poplu u, minflok, iħallih iħallas il-kontijiet.
“Li qed tagħmel il-Kummissjoni Ewropea, hi li tiġbed l-attenzjoni, li kif sejjer il-Gvern Malti, mhuwiex sostenibbli.”
Peter Agius, MEP Tal-PN
Dan, anke jekk bil-maqlub ta’ għadd ta’ pajjiżi oħrajn fl-Unjoni Ewropea, il-finanzi nazzjonali f’pajjiżna komplew jitjiebu, minkejja dan l-appoġġ bla preċedent li baqa’ jingħata mill-Gvern.
Iżda Agius, anke jekk iċ-ċifri nazzjonali jmeruh, ukoll qanqal id-dubji, dwar l-ekonomija Maltija.
“Irid ikollna, imbagħad, maniġment finanzjarju li jippermettilna li nkomplu nissussidjaw.”
Peter Agius, MEP tal-PN