L-awtur Mons Joe Vella Gauci ppreżenta lill-Ispeaker Anġlu Farrugia l-ktieb “Lil din L-Art Ħelwa l-Omm Li Tatna Isimha”, li jittratta ċ-ċelebrazzjoni tal-50 anniversarju minn meta Malta saret Repubblika.
L-Ispeaker faħħar ix-xogħol ta’ Mons Vella Gauci, li ddokumenta l-impenn kontinwu tal-poplu Malti u l-mexxejja ta’pajjiżna. L-Ispeaker fakkar il-mixja ta’ pajjiżna, bil-bidu bl-akkwist tal-Indipendenza fl-1964, il-proklamazzjoni ta’ Malta bħala Repubblika fit-13 ta’ Diċembru 1974, u l-kisba tal-ħelsien mill-barrani fl-1979; 40 sena minn meta-Malta saret kostituzzjonalment newtrali.
L-Ispeaker kompla billi qal li din il-pubblikazzjoni tipprovdi perspettiva unika fuq mumenti kruċjali u tenfasizza l-valuri li wasslu biex il-Maltin jibnu l-identità nazzjonali tagħhom.
L-Ispeaker Anġlu Farrugia kompla billi qal li jirrikonoxxi l-importanza ta’ xogħlijiet bħal dawn, li mhux biss jikkonservaw il-memorja storika ta’ Malta iżda wkoll jispiraw ġenerazzjonijiet futuri biex ikomplu jiġġieldu għal sovranità u ġustizzja.