Il-Partit Nazzjonalista baqa’ bl-istess problema li jigdeb u jdawwar kif jaqbillu dak li ma jdoqqx għal widnejh.
Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li s-sentenza tal-Qorti tal-Appell, dalgħodu, kienet ċara fejn ċaħdet talbiet tal-Kap tal-Oppożizzjoni u appellat għall-għaqal meta sostniet dwar id-dispożizzjonijiet tal-Avukat tal-Istat u inkluż ta’ kull Membru Parlamentari.
Illum il-Qorti ċaħdet it-talba tal-Partit Nazzjonalista sabiex l-Avukat tal-Istat jipproċedi kontra l-Prim Ministru u esponenti preżenti jew passati tal-Gvern. L-unika azzjoni li l-Avukat tal-Istat jista’ jieħu skont il-Qorti tal-Appell hija dik li l-Gvern diġà dderieġa lill-istess Avukat tal-Istat jieħu billi jfittex lil Steward quddiem l-Arbitraġġ Internazzjonali.
L-ebda spin u miżinformazzjoni oħra ma huma se jibdlu dan il-fatt, għalhekk illum kompla jinkixef kif l-uniku interess tal-Oppożizzjoni huwa dak partiġġjan u mhux tal-poplu. Gvern Laburista jittama li għal darba, l-Oppożizzjoni ma tkunx populista u tfixkel dak li għamel il-Gvern minnufih wara s-sentenza tal-Qorti dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet, fejn fittex lil Steward Healthcare biex jiġi rkuprat a favur tal-Istat, kull ċenteżmu dovut.
Huwa ovvju illi l-Partit Nazzjonalista juża tattiċi perikolużi, tant li kien kapaċi anki jigdeb fil-Qorti taħt ġurament. Hekk għamel Bernard Grech li llum reġa’ ħareġ ta’ giddieb fejn il-Qorti xejnet b’mod assolut id-dikjarazzjoni falza taħt ġurament li għamel fuq il-Prim Ministru meta qal li Dr Robert Abela nstab ħati ta’ ingann u kollużjoni ma’ Steward, xi ħaġa li hi gidba totali u ma ssibha mkien.
Ikun aħjar li l-Oppożizzjoni tagħraf l-interess nazzjonali u tifhem x’qaltilha l-Qorti biex ma tibqax tkun populista.