Il-posters, li twaħħlu fl-aħħar jiem, bi protesta għall-fatt li l-President tal-Parlament Ewropew u l-Ewroparlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola ħatret lir-raġel t’oħtha bħala Kap tal-Kabinett tagħha, b’salarju li jlaħħaq l-€20,000 fix-xahar, żiedu t-tensjonijiet fid-Dar Ċentrali bejn il-varji fazzjonijiet li bħalissa qed iħarsu lejn it-tmexxija għal flok Bernard Grech.
Irrapportat dwar dan il-gazzetta It-Torċa fl-aħħar ħarġa tagħha fejn innotat kif din banners kontra Metsola servew bħala opportunità għall-Kap Bernard Grech, għax b’hekk ingħata aktar prominenza fl-attività tal-Partit Popolari Ewropew, l-EPP, li ttellgħet fid-Dar Ċentrali.
Hu fatt magħruf kif Metsola, fl-aħħar xhur u snin, irrifjutat diversi drabi li tirrinunzja l-pożizzjoni tagħha fi Brussell biex tiġi tmexxi l-Partit Nazzjonalista.
Sorsi li tkellmu mat-Torċa qalu kif, b’episodju bħal dan, l-establishment ħa gost hekk kif id-deputati tiegħu, bħal Karol Aquilina, jixtiequ li Grech jibqa’ fejn poġġewh biex b’hekk jibqa’ jkollu poter u saħħa assoluta fuq il-Partit Nazzjonalista. Dan hekk ukoll kif ġie rrapportat li l-eks Kap Simon Busuttil reġa’ beda jindiehes minn taħt fil-Partit mindu rriżenja minn Segretarju tal-istess EPP.
It-Torċa żiedet tirrapporta kif xi ħadd bħal Karol Aquilina kompla jżid is-saħħa tiegħu minħabba l-qrubija tiegħu ma’ Richard Cachia Caruana, li għadu b’saħħtu f’Tal-Pietà u b’hekk l-esponenti Nazzjonalisti ikollhom joqogħdu għal li jgħidilhom sakemm Grech għadu Kap.
Dan jikkonferma kemm Roberta Metsola hi ta’ theddida għall-poter tiegħu, u b’hekk ħa gost bil-posters li ttellgħu, għax il-ħatra tar-raġel t’oħtha jħammrilha wiċċha u aktar jbegħedha milli tesplora l-possibbiltà li tersaq lejn id-Dar Ċentrali.
It-Torċa qalet li hu fatt magħruf li Aquilina u Metsola ma jarawx għajn m’għajn, bil-membru tal-establishment ukoll ma ħax gost meta ġiet eletta bħala President tal-Parlament Ewropew. Fazzjonijiet oħrajn, bil-maqlub, jixtiequ jarawha tieħu t-tmun tal-Partit Nazzjonalista f’idejha.