Deċiżjoni kontroversjali mir-referee waqt finali ta’ tournament tal-futbol organizzat biex jonora l-kap militari tal-Guinea Mamady Doubouya kienet il-bidu ta’ vjolenza li fiha sfaw mgħaffġa mill-anqas 56 persuna.
Dan il-każ seħħ fil-grawnd ta’ Nzerekore,waħda mill-akbar bliet tal-pajjiż , u beda meta xi partitarji bdew igaraw il-ġebel li qajjem paniku sħiħ.
Uffiċjal mill-amministrazzjoni tal-belt li ried jibqa’ anonimu, qal li ħafna mill-vittmi kienu tfal li nqabdu fil-kaos meta l-pulizija bdew jisparaw il-gass tad-dmugħ. Huwa ddeskriva xeni ta’ konfużjoni b’uħud mill-ġenituri jiġbru l-iġsma ta’ uliedhom qabel ma kienu magħduda.
Filmati u ritratti li ttellgħu fuq mezzi soċjali juru lill-vittmi skjerati fl-art.
Il-grupp tal-oppożizzjoni tal-gvern Alleanza Nazzjonali għall-Bidla u d-Demokrazija qalu li l-awtoritajiet kienu qed jorganizzaw tournaments biex isaħħu l-appoġġ politiku għal Doumbouya bi ksur ta’ ftehim ta’ tranżizzjoni tal-wegħda li se ssir elezzjoni presidenzjali.
Il-ġunta militari ma tat l-ebda tweġiba għal din l-akkuża.
Fi stqarrija tal-gvern ġiet imwegħda investigazzjoni dwar dan l-inċident.