L-atleta żagħżugħ ta’ Evolve Endurance Club Gabriel Farrugia rebaħ it-tielet tellieqa tal-Kampjonat tar-Road Running ta’ Athletics Malta, fuq distanza ta’ 5km organizzata minn Rush Athletics Club f’Ħal Safi. Huwa temm id-distanza f’ħin ta’ 14-il minuta u 50 sekonda, sitt sekondi quddiem Dillon Cassar tat-tim tal-Mellieħa. Simon Spiteri (St Patrick’s) tela’ għall-ewwel darba fuq il-podju f’dan il-kampjonat f’ħin ta’ 15:01. Bil-ħin li kiseb f’din it-tellieqa, Gabriel Farrugia tejjeb għal darb’oħra r-rekord nazzjonali ta’ taħt it-23 sena fuq id-distanza ta’ 5km fit-triq, din id-darba 15-il sekonda aħjar mir-rekord preċedenti.
Bir-rebbieħ tal-ewwel żewġ tlielaq, Luke Micallef, ma jieħux sehem f’din it-tellieqa, ir-rebħa ta’ Farrugia tkompli żżid l-eċitament f’dan il-kampjonat li issa wasal f’nofsu, u żżid l-istennija għall-aħħar tliet avvenimenti, li se jinkludu wkoll il-Kampjonat Nazzjonali tal-5k u t-10k.
F’ġurnata ta’ rekords, ta’ min isemmi l-ħames post ta’ Michael Debattista Segond, atleta ta’ 17-il sena li kiseb ħin ta’ 15:54, li jfisser rekord ta’ taħt it-18-il sena.
Fost in-nisa, mument prestiġjuż fil-karriera ta’ Mireya Bugeja, żagħżugħa ta’ 17-il sena li rebħet it-tellieqa f’ħin tajjeb ta’ 18-il minuta netti, rekord fil-kategoriji Under 23 u Under 20. Billi Bugeja mhix tipparteċipa fil-Kampjonat Nazzjonali, Lisa Bezzina ta’ Pembroke li temmet fit-tieni post ħadet il-punti massimi għal din il-kompetizzjoni, quddiem Rosalie Borg (Pembroke) u Mona Lisa Camilleri (Libertas).
B’dawn ir-riżultati, Mellieħa estendew il-vantaġġ fil-Kampjonat tal-klabbs fil-kompetizzjoni tal-irġiel quddiem Evolve u Żurrieq. Fost in-nisa, b’żewġ atleti fuq il-podju, Pembroke estendew il-vantaġġ tagħhom fuq Mellieħa.
Ir-raba’ tellieqa se tieħu l-atleti fuq rotta ta’ 10 kilometri f’Ħal Far fid-19 ta’ Jannar 2025.