Il-ġimgħa li għaddiet ġie ffirmat memorandum of understanding dwar ir-riċerka xjentifika u l-innovazzjoni bejn il-Gvern Malti u l-Ministeru tax-Xjenza u l-Edukazzjoni Għolja tar-Repubblika tal-Polonja f’Varsavja.
Dan huwa l-ewwel ftehim tax-xorta tiegħu bejn Malta u l-Polonja, li għandu l-għan li jsaħħaħ il-kooperazzjoni fis-settur tar-riċerka xjentifika u l-innovazzjoni. L-iskop ewlieni huwa li jiġi mħeġġeġ skambju ta’ għarfien u prattiki tajba, filwaqt li tinħoloq opportunità għal proġetti konġunti.
Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi rrikonoxxa lill-Ambaxxata ta’ Malta f’Varsavja għall-irwol ewlieni tagħha fil-ħidma biex jintlaħaq dan il-ftehim, li ħa xhur ta’ negozjati biex jiġi konkluż.
Azzopardi Tanti enfasizza li l-Memorandum jipprovdi pedament għat-twettiq ta’ inizjattivi bilaterali u multilaterali fis-settur tar-riċerka u l-innovazzjoni.
Matul iż-żjara, Azzopardi Tanti u Dr Marisa Farrugia, Ambaxxatur ta’ Malta għall-Polonja, kellhom ukoll laqgħa bilaterali mas-Sotto-Segretarju tal-Istat Pollakk, Szeptycki.