It-tiżjin tal-Milied jew aħjar in-nuqqas tiegħu madwar il-Mosta kollha ġab kritika minn bosta, partikolarment residenti u negozji, li wkoll jittamaw li jżidu ftit il-bejgħ tagħhom f’dan il-perjodu.
Sas-sena li għaddiet, qabel inbidlet l-amministrazzjoni tal-Kunsill, it-tiżjin madwar il-lokalità kien jispikka b’mod partikolari fl-inħawi tal-pjazza li fl-aħħar xhur ukoll għaddiet minn proġett estensiv ta’ riġenerazzjoni.
Diversi sidien ta’ ħwienet, inkluż dawk fil-pjazza, innotaw ma’ dan l-istazzjon d-dispjaċir tagħhom għan-nuqqas ta’ tiżjin, b’mod partikolari meta wieħed iqis li dan kien wieħed li jattira l-għajn u anke jiġbed in-nies. Iżda din is-sena, għalihom, donnu lanqas ġej Milied.
Crew ta’ ONE News, li kien preżenti fil-Mosta fejn ġiet organizzata attività suppost tal-Milied fi tmiem il-ġimgħa, seta’ evidentement isegwi n-nuqqas ta’ spirtu li jdawwar il-lokal.
Dan kompletament differenti minn kif kien il-post is-sena l-oħra.
Issa s-sidien tal-ħwienet stqarrew ma’ dan l-istazzjon kif in-nuqqas ta’ tiżjin qiegħed iwassal għal nuqqas ta’ attività fid-dawl li t-tiżjin u l-attivitajiet li kienu jiġu organizzati sa sena ilu kienu jattiraw għexieren ta’ familji lejn il-qalba tal-lokalità.
Din l-aħbar tkompli tqajjem għadd ta’ mistoqsijiet fil-konfront tat-tmexxija Nazzjonalista tal-Kunsill Lokali, primarjament, għax dan għażel li ma jżejjinx tiżjin li kien dispost sa sena ilu.
Sa mill-ewwel xhur tiegħu, il-Kunsill Nazzjonalista hawnhekk kien diġà ffaċċja kritika ħarxa meta b’mod arbitrarju ddeċieda li jneħħi l-pjazza minn żona pedonali matul ċerti ħinijiet fi tmiem il-ġimgħa, li kellu l-għan li jitgawda aħjar l-investiment kbir li sar fil-proġett miljunarju.