Il-President elett Amerikan Donald Trump ħabbar nomina ġdida, dik tad-Direttur tal-FBI, fejn intagħżel Kash Petal, li wkoll serva fl-ewwel amministrazzjoni tiegħu fl-2019 fi rwol differenti.
B’kitba fuq il-midja soċjali, Trump iddeskriva lil Petal bħala avukat brillanti, investigatur u l-bniedem li ma jibżax jiġġieled il-korruzzjoni u jitkellem dwar il-ġustizzja.
Min-naħa tiegħu, Petal diġà tkellem diversi drabi dwar il-bżonn ta’ riforma fl-aġenzija fejn jiddeskrivi s-sitwazzjoni bħala “deep state” u jirreferi kif grupp ta’ persuni involuti fiha qed jimmanipulaw l-aġenda tal-gvern.
Id-Direttur attwali tal-FBI, Christopher Wrey, kien ukoll maħtur minn Trump fil-bidu tal-2017, iżda issa qed jiġi sfiduċjat minnu, anke jekk suppost fadallu tliet snin oħra skont il-kuntratt tiegħu.
Għaldaqstant in-nomina l-ġdida tibgħat messaġġ biex Wrey iwarrab minn jeddu, qabel is-Senat jikkonferma lil Petal fil-pożizzjoni.
Trump sostna li l-għażla ta’ Petal se ttemm epidemija li ħakmet lill-Amerka, waqt li tindirizza l-kriminalità organizzata, inkluż fejn jidħol traffikar uman u tad-drogi.