Dsatax-il persuna tilfu ħajjithom u aktar minn 150,000 persuna kellhom jabbandunaw djarhom fil-Malasja u t-Tajlandja minħabba maltemp li qed jolqot ir-reġjun, inkluż l-agħar għargħar f’diversi snin. L-għadd tal-vittmi hu maħsub li jkompli jiżdied.
Kawża ta’ dan, il-pajjiżi rrapportaw każi ta’ emerġenzi, inklużi sitt provinċji tal-Malasja, waqt li s-servizzi tal-emerġenza ntalbu jassistu ammont kbir ta’ nies fil-periklu.
Id-Deputat Prim Ministru tal-Malasja, Ahmad Zahid Hamidi, qal li eluf ta’ uffiċjali kellhom jidħlu għax-xogħol biex ikunu jistgħu jgħinu fis-salvataġġi permezz ta’ dgħajjes u anke helikopters.
Filmati fuq il-midja soċjali wrew id-diżastru fil-pajjiżi kawża tal-maltemp fejn anke karozzi u djar spiċċaw inqerdu, waqt li sptarijiet waqfu joperaw biex ma ssirx ħsara fl-apparat mediku u fil-mediċina.