Wara li, fl-aħħar jiem, tħabbar li daħal fis-seħħ l-att prinċipali tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà Fuq il-Post tax-Xogħol, l-OHSA, kif ukoll liġi ġdida b’penali amministrattivi b’saħħithom, l-istess awtorità nediet diversi sessjonijiet ta’ informazzjoni mal-istakeholders kollha biex tispjega t-tibdil fis-seħħ.
Il-Kap Eżekuttiv tal-OHSA, Dr Josianne Cutajar, qalet li l-awtorità tinsab impenjata biex toffri l-aħjar riżorsi u informazzjoni minħabba l-importanza li kulħadd ikun jaf l-interpretazzjonijiet tal-liġi u kif dawn jistgħu jolqtu lill-imsieħba differenti fil-bidla fil-kultura li tpoġġi s-salvagwardja tal-ħaddiema u tgħolli l-istandards tas-saħħa.
Din il-liġi l-ġdida toffri aktar dispożizzjonijiet li l-ksur tagħhom iwassal għal penali amministrattivi u tagħti aktar saħħa lill-OHSA biex taġixxi hi minflok tidħol il-Qorti.