Id-dimostrazzjonijiet fit-toroq tal-Georgia komplew għar-raba’ jum u magħhom sensiela ta’ riżenji pubbliċi, kkawżati mid-deċiżjoni tal-partit fil-gvern li jissospendi t-taħdidiet dwar is-sħubija fl-Unjoni Ewropea.
Għexieren ta’ eluf ta’ ċittadini fil-Georgia ħarġu fit-toroq ta’ diversi bliet, hekk kif il-Prim Ministru Irakli Kobakhidze qed jgħid li l-oppożizzjoni qed tbellgħalhom ħafna gideb u ċaħad sejħiet għal elezzjonijiet ġodda.
Huwa kkonferma wkoll rapporti li l-ambaxxatur tal-Georgia għall-Istati Uniti David Zalkaliani kien l-aħħar diplomatiku anzjan li rriżenja. Iżda Kobakhidze giddeb ir-raġuni tad-dimostrazzjonijiet hekk kif ilbieraħ iddikjara li mhux veru li ġew sospiżi t-taħdidiet.
Dan wara li tliet ijiem qabel il-partit tiegħu Georgian Dream kien akkuża lill-Unjoni Ewropea li kienet qed tuża t-taħdidiet għal sħubija fl-Unjoni bħala rikatt u qal li l-Gvern kien iddeċieda li ma jpoġġiex din il-kwistjoni fuq l-aġenda qabel l-aħħar tas-sena 2028.
Numri kbar ta’ dimostranti reġgħu kienu fit-toroq il-Ħadd filgħaxija u meta ġew immirati logħob tan-nar lejn il-bini tal-parlament u kontra l-pulizija tal-irvellijiet, il-pulizija rrispondew billi sparaw kanuni tal-ilma.
Il-gvern awtoritarju tal-Georgia kien akkużat mill-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Istati Uniti li qed inaqqas mid-demokrazija. Filfatt nhar is-Sibt, l-Istati Uniti ħadet pass sinifikanti meta ssospendiet is-sħubija strateġika tagħha mal-Georgia.
Iżda Kobakhidze qed jinsisti li l-Partiti tiegħu Georgian Dream għadu impenjat favur l-integrazzjoni Ewropea. Madankollu firxa dejjem tikber ta’ uffiċjali pubbliċi ma jidhirx li qed jemmnu dan id-diskors.
Diversi ambaxxaturi rriżenjaw filwaqt li mijiet ta’ ħaddiema taċ-ċivil u aktar minn 3000 għalliem iffirmaw ittri li jikkundannaw id-deċiżjoni li jiġu sospiżi d-diskussjonijiet ta’ sħubija mal-UE.
Ħafna nies mill-Georgia jinsabu xxukjati bil-livell ta’ vjolenza indirizzata lejn il-ġurnalisti u d-dimostranti. Dan wara li għexieren ta’ ġurnalisti ġew imsawta jew intefa’ lejhom il-gass tad-dmugħ fejn kien hemm xi wħud li kellha tingħatalhom kura l-isptar.