Wara li kmieni dalgħodu l-Pulizija waslulha rapporti ta’ theddida ta’ bomba f’kull skola tal-Istat u oħrajn tal-Knisja u dawk indipendenti, jirriżulta lil ONE News li s-sitwazzjoni reġgħet lura għan-normal għall-ħabta tal-10:30 wara li saru l-verifiki kollha u nstab li ma kien hemm l-ebda periklu.
Appena ġew irreġistrati t-theddid, għadd ta’ skejjel bdew bl-evakwazzjonijiet, b’uħud jinformaw lill-ġenituri biex jiġbru lil uliedhom bħala prekawzjoni.
Minkejja dan, wara xi sagħtejn u nofs mindu fetħu, l-iskejjel reġgħu bdew jinforma li kollox lura għan-normal appena ngħataw il-clearance mill-Pulizija. Fost l-oħrajn, fil-Higher Secondary Giovanni Curmi, fost tal-ewwel li wettqu l-evakwazzjoni, l-istudenti ġew informati ftit wara l-10:00 li l-verifiki neċessarji mill-awtoritajiet ma sabu l-ebda periklu u li l-lezzjonijiet issoktaw mit-tielet lezzjoni.
Dwar din is-sitwazzjoni kkummenta wkoll il-Prim Ministru dalgħodu.
Sadanittant, għalkemm mhux magħruf jekk kienx hemm xi konnotazzjonijiet mal-każi ta’ theddid, il-blogger Gerald Fenech il-Ħadd tella’ fuq il-midja soċjali li, minn dalgħodu, l-iskejjel ma kienx se jkollhom uffiċjali tal-Pulizija magħhom, minħabba l-organizzazzjoni tal-laqgħa għolja tal-OSCE, li qed tiġi organizzata f’pajjiżna lejn l-aħħar ta’ din il-ġimgħa.
Minkejja dan, konferma mill-kelliem tal-Pulizija jirriżulta li din kienet biss gidba oħra tal-istess Fenech u l-iskejjel kienu qed joperaw b’mod normali sakemm waslu t-theddid.